Twieled nhar il-11 ta’ Diċembru 1968 f’Perugia, l-Italja. Għandu 47 sena u jibqa’ meqjus bħala leġġenda tal-futbol Taljan u tal-futbol mondjali. Jibqa’ msemmi u magħruf l-iktar għaċ-ċelebrazzjonijiet wara l-gowls tiegħu u għall-gowl li skurja ġewwa Ruma fil-finali tal-UEFA Champions League tal-1996 kontra Ajax Amsterdam. Dakinhar Juventus rebħu għat-tieni darba l-ikbar kompetizzjoni fl-Ewropa. Beda u temm il-karriera mat-tim tal-post fejn twieled, Perugia. Tul il-karriera tiegħu laghab ma’ tnax-il tim minn erba’ pajjiżi differenti.

Ingħaqad ma’ Juventus fl-1992 mingħand Reggiana. Lagħab 111-il logħba u skurja 41 gowl. Jibqa’ mlaqqam bħala ‘La Penna Bianca’ minħabba l-kulur permanenti ta’ xagħru. Kien wieħed mill-aqwa skorer tas-snin disgħin. F’attakk fenomenali ma’ Juventus huwa kellu l-opportunità li jilgħab ma’ Gianluca Vialli, Paolo di Canio, Roberto Baggio, Alessandro Del Piero u Andreas Möller.

Ma’ Juventus għamel erba’ snin, mill-1992 sal-1996, fejn rebaħ numru ta’ unuri, fosthom:

-Kampjonat tas-Serie A (1994-95)
-Coppa Italia (1994-95)
-Super Coppa Italiana (1995)
-UEFA Champions League (1995-96)
-Tazza UEFA (1992-93)

Iddebutta mat-tim nazzjonali Taljan nhar il-25 ta’ Marzu 1995, fejn dakinhar skurja l-ewwel gowl tiegħu fid-debutt kontra l-Estonja. Lagħab 22 logħba u skurja tmien gowls taħt Arrigo Sacchi, Cesare Maldini u Dino Zoff.

Enerġetiku, ħafif u kien jaħdem ħafna għat-tim. Tajjeb ħafna fl-arja u skorer prolifiku.

Ma’ Juventus kompla l-istorja tiegħu f’Lulju tal-2011 meta ħa f’idejh it-tmexxija tat-tim tal-Primavera u baqa’ kowċ sal-2013.

Fabrizio Ravanelli, il-plejer li sploda l-Olimpico ta’ Ruma fil-finali tal-UEFA Champions League b’gowl indimentikabbli. Il-plejer ta’ xagħru bajda, li ma jaħfirx lill-avversarju. It-tekniku, il-ħabrieki, il-prolifiku. Fabrizio Ravanelli, ‘La Penna Bianca’.