F’intervista għal TuttoSport, ic-chairman tal-ġganti Ġermaniżi Bayern Munich Karl-Heinz Rummenigge tkellem fuq it-tim ta’ Juventus u ż-żewġ plejers Kingsley Coman u Medhi Benatia. Huwa esprima x-xewqa li t-tim tiegħu jevita lil Juventus fil-Uefa Champions League u fl-aħħar tkellem fuq il-futur taż-żewġ plejers.
“Fil-Uefa Champions League trid tieħu logħba b’logħba. It-timijiet il-kbar ikunu jridu jiltaqgħu kemm jista’ jkun fl-aħħar fażijiet tal-kompetizzjoni u għalhekk qed nispera li nevitaw lil Juventus sal-aħħar jekk huwa possibbli. Iż-żewġ partiti tal-istaġun l-ieħor issa għaddew, għalkemm nibqa’ nsostni li konna xi ftit furtunati. Fit-tieni partita ġewwa l-Ġermanja l-logħba dehret mitlufa iżda fl-aħħar mill-aħħar irnexxielna nikkwalifikaw.”
Rummenigge fl-aħħar tkellem ukoll dwar ir-rabta bejn Juventus u Bayern fejn jidħlu trasferimenti fejn fl-aħħar staġuni Arturo Vidal u Kinglsey Coman issieħbu ma’ Bayern filwaqt li Benatia ssieħeb ma’ Juventus.
“Lil Vidal konna ilna ħafna snin insegwuh u dejjem xtaqnieh jilbes il-flokk tagħna iżda l-Bayer Leverkusen ippreferew ibigħuh lil Juventus flok lilna. Kinglsey Coman għandna l-‘option’ fuqu sat-30 ta’ April. Wara l-Euro 2016 kellu ftit mumenti diffiċli però issa reġa’ ġie għal dak li nafuh. Hemm possibbilta’ kbira li nakkwistawh għalkollox. It-talent ta’ Benatia ma tistax tinjorah però sfortunatament il-problemi fiżiċi ħarbtulu daqsxejn il-karriera. Għandna ftehim ma’ Juventus biex Medhi jibqa’ jilbes il-flokk ta’ Juventus għas-snin li ġejjin.”
Sors: Tuttosport
Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.
Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com
Ħalli Kumment