Jekk taqbad tnejn u tletin sena minn ħajtek u għal kull waħda minnhom tgħodd l-ammont ta’ plejers li ġew, baqgħu u telqu, malajr tista’ tagħmel il-kalkolu ta’ kemm moħħok irreġistra xorti. Mijiet ta’ ismijiet, episodji tal-biki jew waqtiet leġġendarji. Żgur rajt plejers li ġew u marru u maż-żmien intesew, bħalma tinsa mħabba passiġġiera, minn dawk li jimlew il-vojt biex niftiehmu. Oħrajn li laħqu ntrabtu ma’ qalbek għal perjodu qasir sakemm tiskopri li huma merċenarji bħall-bqija, jew vittmi ta’ politika soċjetarja ħsiebha biss fil-plusvalenza.

Imbagħad hemm il-miti.

Fabrizio Ravanelli wieħed minnhom. Avolja dam magħna biss erba’ snin. Avolja skont l-istandards tal-lum (Pirlo, Tevez docet) jidhru biżżejjed. Għalija kienu ftit. Għax xtaqtu rebaħ aktar magħna. Għax xtaqtu rebbaħna iżjed. Għax forsi xtaqt rajt aktar minn dak il-ġest sempliċi li ma’ kull gowl jgħatti wiċċu bil-flokk u jiġri b’idejh miftuħa stil Titanic.

Dik il-ħabta, kif diġà għidt drabi oħra, kont insegwi assidwament is-Serie A u B bl-istess dedikazzjoni ta’ Luigi Necco lejn Napli u Avellino. Klassifiki, logħbiet, gowls, highlights, statistika, albums tal-Panini b’żewġ plejers tas-Serie B fl-istess sticker. Xejn ma kien jaħrabli. Sejħulha ossessjoni, sejħulu ħela ta’ ħin. Sintomu ta’ fever pitch.

U fil-bidu tas-snin disgħin, kien hemm plejer li beda jiġbidli l-attenzjoni mhux ħażin. Mhux għat-talent jew għall-gowls. Għal dik ir-raxxa xagħar bajda partikolari, meta qed nitkellmu fuq żagħżugħ ta’ 22-23 sena. Possibbli jibjad daqshekk kmieni? Kont insib lili nnifsi nsaqsi ta’ spiss. (U f’qalbi ngħid, allaħares jiġrili hekk). Biex tagħqad spiċċajt segwejtu wkoll anke għaliex kien ma’ tim li dak iż-żmien kelli soft spot għalih, ir-Reggiana.

Time is a flat circle, kien qal darba Rust Cohle. Għax xi tliet snin warajh għamel l-istess perkors Michele Padovano għalkemm għal raġunijiet u b’riżultati differenti.

Fl-ewwel staġun magħna, l-1992-93, taħt il-gwida ta’ Trapattoni li kellu ħabta kif ixomm talenti simili, rebaħ it-Tazza UEFA b’kontribut importanti. Meta tqis li fl-istess żona kellu lil ċerti Roberto Baggio, Vialli, Moeller, Di Canio u Casiraghi. Mica poco, kif jgħidu.

Sentejn wara: id-doppjetta Scudetto – Coppa Italia, parti mit-trio meraviljuż Vialli-Baggio-Ravanelli (b’Del Piero waiting in the wings), fejn għoddhom għamlu tripletta fit-Tazza UEFA li ma kinux għal dawk il-misħutin Parma u Dino ‘bloody’ Baggio. Jekk xejn, fl-Ewropa Ravanelli għandu rekord uniku: l-uniku plejer li skorja ħames gowls fl-istess logħba.

Imbagħad Mejju tal-1996 u dak il-gowl ċelebri fil-bidu tal-finali kontra l-Ajax, kif approfitta minn żball ta’ Silooy, qabeż lil Van der Sar u skurja minn angolu kkumplikat. U s-sostituzzjoni ma’ Padovano u r-reazzjoni rabbjuża tiegħu u l-għidut (qatt ikkonfermat) li r-rapport bejnu u Lippi kien ixxaqqaq minn dakinhar.

Imbagħad is-sajjetta fil-bnazzi: “Ravanelli trasferito alla squadra Inglese del Middlesborough.” Xiex? Middle-what? Minn dakinhar bdew jidhru l-ewwel xquq fil-mitoloġiji personali tiegħi. Xejn mgħejuna mill-fatt li Vialli kien żarma huwa wkoll lejn l-Ingilterra.

Imma ż-żmien inessi. U din l-aħbar taż-żjara ta’ Penna Bianca f’pajjiżna huwa ċans li għall-ewwel darba f’ħajti ngħid dan kollu wiċċ imb wiċċ.