Il-goalkeeper Pepe Reina, prattikament plejer ġdid ta’ Milan, kif ukoll Paolo Cannavaro u Salvatore Aronica, ġew differiti mill-ġustizzja sportiva fuq frekwentazzjoni ta’ persuni marbuta mal-ambjent mafjuż.
Dan ifisser li t-tlieta li huma, kif ukoll il-klabbs ta’ Napoli, Sassuolo u Palermo, se jitressqu quddiem il-ġustizzja biex jaffaċċjaw proċess sportiv. Il-klabbs qed jaffaċċjaw akkużi ta’ responsabbiltà oġġettiva.
L-inkjesta sabet li Paolo Cannavaro pprova jakkwista arloġġ ta’ valur ta’ €400,000 b’mod dubjuż, apparti li mingħand Napoli pprova jakkwista żewġ biljetti b’xejn biex jgħaddihom lill-klann tal-Kamorra, Lo Russo.
Cannavaro pprovda wkoll dettalji qarrieqa biex jiżvija lill-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi, kif ukoll ħalla lill-mafjuż Gabriele Esposito juża l-cards tal-bank tiegħu biex dan ikun jista’ jwettaq reati.
Pepe Reina min-naħa tiegħu jinsab akkużat li kellu frekwentazzjoni u ħbiberija mal-kapijiet tal-mafja, fosthom billi ħalla lil Esposito juża l-karozza sportiva tiegħu, siefer għal vaganzi miegħu kif ukoll għenu biex jidħol f’żoni ristretti ta’ Stadio San Paolo.
Aronica wkoll jinsab akkużat li ffrekwenta lill-aħwa Esposito. Kawża ta’ dan ġew differiti wkoll tliet impjegati ta’ Napoli: it-Team manager Paolo De Matteis, id-Direttur Kummerċjali u tal-Marketing Alessandro Formisano kif ukoll il-persuna responsabbli mill-biljetterija u d-delegat tas-sikurezza Luigi Cassano.
Sors: Sportmediaset
Tixtieq li r-riklam tiegħek jidher fuq kull artiklu ta’ dan is-sit, kif ukoll fuq il-pjattaformi kollha tal-klabb? Tista’ tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor jew titlob iżjed informazzjoni billi tagħmel kuntatt magħna fuq marketing@juventusmalta.com.
Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq info@juventusmalta.com