Daqshekk logħbiet bejn ir-rivali (jew kważi), fil-kampjonat ġejjieni tal-Primavera, li ħa jkun l-aħħar sena tiegħu bi tliet gruppi, hekk kif mill-istaġun 2017/2018, ħa jkun hemm grupp wieħed kompost minn 16-il tim tas-Serie A.

Sadanittant, dan l-istaġun ħa jerġa’ jkun hemm it-tliet gruppi, imħalltin bejn 14-il tim bejn Serie A u Serie B, iżda ħa jinbidlu l-kriterji. Qabel, it-timijiet kienu jiġu mpoġġija fil-gruppi skont ir-reġjuni tagħhom, iżda din id-darba, ħa jkunu mqassmin skont ir-ranking, li huwa bbażat fuq ir-riżultati tal-aħħar ħames snin, ovvjament dawk miksuba mit-timijiet tal-Primavera.

Dan ifisser, li mhux se jkun hemm la d-derby ta’ Ruma u lanqas dak ta’ Milan, iżda għall-fortuna tas-sapporters Juventini, ħa jibqa’ dak ta’ Turin, milgħub bejn Torino u Juventus.

Ir-regular season ħa jkun milgħub bejn l-10 ta’ Settembru u t-13 ta’ Mejju, fejn l-ewwel tnejn ta’ kull grupp ħa jkunu kwalifikati direttament għall-kwarti tal-finali tal-Final Eight, filwaqt li t-timijiet klassifikati t-tielet, ir-raba’ u tnejn milli ġew il-ħames, jilagħbu bejniethom, bejn l-20 u s-27 ta’ Mejju, sabiex iż-żewġ rebbieħa finali, jingħaqdu mas-sitta l-oħra. Format ikkumplikat, hux veru? Il-Final Eight ħa tintlagħab fi grawnd wieħed, bejn l-4 u l-11 ta’ Ġunju.

Inbidlu anke r-regoli dwar l-etajiet tal-plejers, fejn huma eliġibbli dawk li twieldu mill-1 ta’ Jannar tal-1998, u li iżda għalqu 15-il sena u tliet plejers mill-1997, meqjusin fuoriquota. Intant, wieħed mill-fuoriquota jista’ jkun ta’ kwalunkwe età waqt ir-regular season.

Juventus ħa jkunu qegħdin jilagħbu fi Grupp B flimkien ma’ Ascoli, Avellino, Bari, Benevento, Carpi, Chievo, Cittadella, Empoli, Pescara, Pro Vercelli, Sassuolo, Torino u Udinese.