Illum waranofsinhar ġewwa l-Mapei Stadium Juventus affrontaw lit-tim ta’ Sassuolo. Juventus ħarġu bil-formazzjoni li rnexxiet ħafna : dik ta’ 4-2-3-1. Buffon li lbieraħ għalaq 39 sena ddefenda l-lasta, bl-erba’ difensuri jkunu Lichtsteiner u Alex Sandro mal-linji u l-koppja ċentrali ffurmata minn Leonardo Bonucci u Giorgio Chiellini. It-tnejn ta’ quddiem id-difiża kienu Sami Khedira u Miralem Pjanić. L-erba’ plejers fiż-żona tal-attakk baqgħu l-istess li lagħbu flimkien fiż-żewġ logħbiet ta’ qabel: Juan Cuadrado, Paulo Dybala u Mario Mandžukić lagħbu wara l-attakkant prinċipali Gonzalo Higuaín.
Għal Juventus kienu imperattivi t-tliet punti minħabba li Roma u Napoli qegħdin isegwuhom u b’hekk riedu akkost ta’ kollox tliet punti biex jibqgħu fil-quċċata tal-klassifika. Fit-tmien minuta Juventus marru fil-vantaġġ. Mario Mandžukić għadda ballun tajjeb bit-takkuna lil sieħbu fuq in-naħa tax-xellug Alex Sandro li bi kross tajjeb fil-baxx, Gonzalo Higuaín kien pront u b’gowl ta’ striker ta’ veru, tefa’ fix-xibka wara Consigli. Dan kien il-ħmistax-il gowl staġonali fil-kampjonat għall-Arġentin.
Fil-21 minuta Higuaín reġa’ mar viċin id-doppjetta personali u t-tieni gowl ta’ Juventus. Kien kross tajjeb tal-Kroat Mandžukić li l-ballun wasal għand Higuaín iżda sfortunatament falla l-mira. Din l-azzjoni kienet preludju għat-tieni gowl ta’ Juventus li wasal erba’ minuti wara. Kien żball mid-difensur ta’ Sassuolo Cannavaro li Gonzalo Higuaín interċetta tajjeb u tefa’ pass lejn Dybala li b’mossa tajba ħalla l-ballun sejjer għand l-internazzjonali Ġermaniż Sami Khedira li b’xutt mill-ewwel tefa’ lil Juventus 2-0 fil-vantaġġ.
Fid-29 minuta Juventus kellhom opportunità għat-tielet gowl meta bi freekick kważi mill-kaxxa l-kbira, Miralem Pjanić tefa’ l-ballun ġol-barriera u reġa’ ttanta xortih b’xutt iżda Consigli salva tajjeb. Minuta wara Sassuolo resqu għall-ewwel darba lejn il-lasta ta’ Buffon fejn Pellegrini ttanta xortih b’xutt li għadda għoli. Fl-aħħar azzjoni tal-logħba, fil-45 minuta, reġa’ kien Pellegrini li b’xutt fjakk, Buffon ma sab l-ebda periklu. B’hekk intemmet l-ewwel taqsima bl-iskor ta’ 2-0 favur Juventus.
Mal-bidu tat-tieni taqsima Juventus ħarġu mill-ewwel fuq l-offensiva biex jagħlqu l-partita. Mario Mandžukić avvanza tajjeb mal-linja xellugija fejn ippassja tajjeb lejn Juan Cuadrado iżda x-xutt tiegħu kien daqsxejn fqir fejn ħabat mad-difensuri ta’Sassuolo u Consigli intervjena tajjeb. Fil-51 minuta Juventus reġgħu resqu viċin meta minn korner ta’ Miralem Pjanić, Leonardo Bonucci ma laqatx il-ballun tajjeb u sfortunatament l-azzjoni nħliet.
Fit-53 minuta din id-darba kien imiss lil Paulo Dybala li resaq viċin meta kkontrolla tajjeb il-ballun u b’xutt mill-ewwel il-ballun ħabatlu mal-lasta, b’Consigli megħlub għalkollox. Erba’ minuti wara Miralem Pjanić ittanta xortih b’xutt iżda Consigli ma kellu l-ebda problema biex isalva. Sassuolo marru viċin li jidħlu fil-partita meta fit-58 minuta Politano ttanta xortih b’xutt mil-lemin u Buffon salva tajjeb ħafna fejn imbagħad sab lil Matri li b’xutt mill-ewwel reġa’ sab lil Buffon biex b’hekk in-numru wieħed ta’ Juventus salva tajjeb fiż-żewġ tentattivi.
Fit-68 minuta Juan Cuadrado żmarka lil Higuaín li b’xutt fil-baxx ġie mċaħħad mid-doppjetta b’save tajjeb minn Consigli. Juventus baqgħu fuq l-offensiva u żewġ minuti wara Juan Cuadrado tela’ tajjeb mal-linja tal-lemin, qata’ kross lejn Mario Mandžukić iżda l-Kroat żbilanċja ruħu u falla l-mira b’daqqa ta’ ras. Fis-77 minuta waslet l-ewwel sostituzzjoni ta’ Juventus meta Paulo Dybala ħalla l-pitch biex floku daħal il-kompatrijott ta’ Mario Mandžukić, Marko Pjaca.
Sassuolo ppruvaw kemm setgħu jinfdu d-difiża ta’ Juventus iżda l-koppja ċentrali ta’ Juventus illum kienet tajba. Speċjalment il-gladjatur Chiellini, li kien fil-forma li kulħadd jafu biha. Fit-82 minuta Massimiliano Allegri wettaq it-tieni sostituzzjoni meta Tomas Rincon daħal flok il-Kolombjan Juan Cuadrado. Filwaqt li Juventus baqgħu jamministraw il-logħba sat-tmiem u l-partita ntemmet bl-iskor ta’ 2-0.

 

Dawn it-tliet punti kienu importantissimi għat-tim ta’ Juventus u huma prezzjużi iktar għax l-eqreb rivali ta’ Juventus Roma u AC Milan tilfu l-partiti kontra Sampdoria u Udinese rispettivament. Biex b’hekk wara din ir-rebħa Juventus jinsabu erba’ punti vantaġġ fuq Roma u seba’ fuq Napoli iżda dawn tal-aħħar jilagħbu llejla kontra Palermo għalkemm Juventus baqgħalhom jirkupraw partita.

L-attenzjoni tal-Juventini issa żgur li se ddur fuq il-partitissima ta’ bħal-lum ġimgħa fil-Juventus Stadium kontra Inter.
SALUTATE LA CAPOLISTA!

dical-banner-1200×280