Ħalliel jew ħallelin irnexxielhom jidħlu fil-villa tal-attakkant ta’ Roma Edin Džeko waqt li kien barra mill-belt għal-logħba away kontra Sassuolo.
Imma waqt li l-attakkant kien qed jiċċelebra doppjetta u rebħa importanti għal Roma, mill-villa tiegħu, waqt li s-sieħba tiegħu u wliedu kienu reqdin, persuna jew persuni mhux magħrufa ħadu €500 u żewġ basktijiet tad-ditta.
Mill-ewwel investigazzjonijiet jidher li l-ħallelin qabżu ċint mad-dawra tal-villa u daħlu mit-tieqa, waqt li għal xi raġuni s-sistemi ta’ sigurtà ma ħadmux.
Kienet it-tfajla li indunat b’dak li kien qed iseħħ u ċemplet lill-Pulizija, bil-ħallelin jaħarbu mill-post.
Fil-passat insterqu wkoll Radja Nainggolan, Gervinho, Jérémy Ménez, Juan u Seydou Doumbia, li lkoll huma jew kienu plejers ta’ Roma.
Sors: Goal






