Iċ-Champions renjanti ta’ Juventus sfaw eliminati fl-aħħar sittax fit-turnew ta’ Viareggio wara li tilfu fl-għoti tal-penalties kontra l-Belġjani ta’ Club Brugge.
B’Massimiliano Allegri jassisti għall-partita, Juventus mill-ewwel sofrew gowl meta Fadiga, fost l-aqwa plejers tal-Belġjani, approfitta ruħu minn żball difensiv sabiex skurja l-1-0.
Madankollu, Juventus irreaġixxew mill-ewwel b’azzjonijiet perikolużi ta’ Moises Kean, Luca Caligara u Mehdi Léris għal ftit ma ssarrfux fil-gowl tad-draw.
Ta’ min isemmi li Kean kellu joħroġ wara nofs siegħa minħabba daqqa li qala’ f’siequ matul il-logħba.
L-ewwel taqsima ntemmet bl-iskor ta’ 1-0. Fit-tieni taqsima l-Bianconeri sabu l-gowl tad-draw fil-51 minuta meta Matheus Pereira fajjar xutt lejn il-lasti ta’ Club Brugge u kien id-difensur Tanghe li ddevja l-ballun fix-xibka tiegħu stess.
Is-Slovakk Filip Vasko tefa’ lil Juventus fil-vantaġġ fid-79 minuta meta wara xutt milqugħ temporanjament mill-goalkeeper, huwa kien pront jitfa’ fix-xibka.
Minkejja li Juventus dehru iżjed dominanti, Club Brugge rnexxielhom jiksbu d-draw b’mod drammatiku permezz ta’ De Kuyffer.
Ir-riżultat baqa’ dak ta’ 2-2 matul il-ħin barrani, biex b’hekk ir-rebbieħ kellu jiġi deċiż permezz tal-għoti tal-penalties.
Nicola Mosti u Leonardio Merio kienu ż-żewġ plejers li fallew il-penalties tagħhom filwaqt li Gabriele Bove, Rogerio, Pereira, Simone Muratore u Luca Semprini kienu sabu x-xibka, biex Club Brugge għaddew b’rebħa ta’ 9-8.
Il-partita li jmiss ta’ Juventus tkun nhar is-Sibt l-1 t’April, kontra Pro Vercelli, valida għall-kampjonat.
L-ewwel ħdax ta’ Juventus: Loria; Coccolo, Muratore, Kanouté, Rogerio, Kean, Matheus, Touré, Léris, Caligara, Semprini.
Ħalli Kumment