Wara li fl-ewwel ġurnata tal-UEFA Youth League t-tim ta’ Juventus ra lill-fortuna tidħaklu, hekk kif Gabriele Bove kien rebbaħ lit-tim Taljan tliet punti mill-iżjed importanti fl-94 minuta kontra l-Ispanjoli ta’ Seville, illum il-fortuna ma daħkitx liż-żgħażagħ ta’ Fabio Grosso, anzi pjuttost kienet kontrihom, għaliex ġewwa Zagreb, Juventus sofrew telfa bl-iskor ta’ 2-1, bil-gowl rebbieħ jasal proprju fit-93 minuta.
Għat-tieni partita konsekuttiva, Moises Kean niżżel ismu fost l-iskorers hekk kif fetaħ l-iskor kmieni fl-ewwel taqsima, wara li approfitta minn żball pjuttost gravi tad-difiża ta’ Dinamo Zagreb. Madankollu, Juventus ma kinux dominanti fl-ewwel taqsima, hekk kif il-logħob kien maqsum bejn iż-żewġ timijiet, bil-Kroati jkunu iżjed aggressivi. Infatti, ir-risposta tagħhom ma tantx damet biex waslet, għaliex Ivan Bozic ġab id-dro b’daqqa ta’ ras stupenda, li ta’ min imur ifittixha fuq l-internet.
It-tieni taqsima rat lill-Kroati jkunu perikolużi għall-aħħar, fejn għal darba, darbtejn irriskjaw li jmorru fil-vantaġġ. Juventus dehru tim li kapaċi jsofri u mbagħad jopera bil-kontrattakk u infatti hekk gara, għaliex mhux l-ewwel darba li l-Bianconeri ħasdu lill-Kroati b’kontrattakk, iżda qatt ma rnexxielhom imorru fil-vantaġġ, sabiex fl-aħħar, Božić irregala t-tliet punti lil Dinamo Zagreb b’volley sabiħ li għeleb għalkollox lil Mattia Del Favero.
Punti pożittivi:
– Mattia Del Favero għamel partita importanti ħafna bejn il-lasti, fejn li ma kienx għalih, Dinamo Zagreb setgħu faċilment żiedu tliet gowls oħra mat-tnejn li skurjaw u b’hekk kienu jkabbru l-vantaġġ. Juventus jidhru li qegħdin jaħdmu sew fuq dan il-goalkeeper. Forsi l-eredi ta’ Gianluigi Buffon?
– Moises Kean għal darb’oħra wera li taħt il-lasti ma jaħfirx u huwa plejer li minkejja l-età tenera tiegħu, diġà qiegħed jerfa’ l-piż tal-attakk fuq spalltu.
– Mehdi Léris ma kienx fost l-iżjed li spikkaw, iżda minkejja li għadu ġdid fit-tim, jidher li diġà integra sew fl-iskwadra, speċjalment minħabba l-azzjonijiet li jikkrea anke grazzi għall-ftehim mal-kollegi tiegħu.
Punti negattivi:
– Id-difiża kollha llum ma ffunzjonatx. Ħafna żbalji tekniċi, fl-impostazzjoni tal-logħba, fil-marking tal-attakkanti u finalment fil-komunikazzjoni ta’ bejniethom.
– Grigoris Kastanos għadu ma ssettiljax sew dan l-staġun, anke forsi minħabba l-fatt li qiegħed jilgħab tikka iżjed irtirat minn mal-lasti, għall-kuntrarju tal-istaġun li għadda.
– Roman Macek, plejer li diġà tela’ mat-tim tal-kbar u fost il-plejers li għandu jkun ta’ ispirazzjoni f’dan it-tim, kien kompletament maqtugħ mill-partita, fejn deher darba biss meta kellu azzjoni importanti, li iżda ma rnexxilux jikkapitalizza minnha.
L-ewwel ħdax ta’ Juventus: Mattia Del Favero; Pietro Beruatto, Simone Muratore, Yoan Severin, Rogerio Da Silva; Roman Macek, Gabriele Bove, Fabrizio Caligara; Grigoris Kastanos, Moises Kean, Mehdi Léris.
Ħalli Kumment