minn Gordon Pace
30 sena. Daqshekk ittieħed żmien biex jiġu installati l-ewwel miljun sett tat-telephone.
30 minuta. Il-ħin li matulu ġiet imniżżla għal miljun darba l-app tal-logħba Angry Birds.
Biex nitkellmu dwar branding l-ewwel pass li rridu nagħmlu flimkien huwa dak li napprezzaw li matul dawn l-aħħar 15-il sena inbidel drastikament il-mod li bih nikkomunikaw. SMS, MMS, Skype, Facebook, Messenger, Whats’App, LinkedIn, Twitter, Facetime, Instagram, Snapchat u ħafna mezzi oħra li ffaċilitaw ferm il-mod li bih nistgħu nikkomunikaw.
Kien hemm żmien fejn brand kienet b’saħħitha immens. Pereżempju, Nike kienu ħarġu b’kampanja ta’ suċċess kbir, b’tagline sempliċi – Just Do It.
Kieku dik il-kampanja ssir illum, żgur li ma jkollhiex l-istess impatt. Illum aktar minn branding qed nitkellmu fuq Relazzjoni – dik ir-relazzjoni li ditta jirnexxilha tibni ma’ target audiences differenti.
Illum sar diffiċli għal ditti kbar biex jirrelataw man-nies. Pereżempju, jekk persuna se tixtri arloġġ, l-ewwel ħaġa li tagħmel hi Google search jew tistaqsi għall-opinjoni ta’ ħbieb jew nies oħra dwar x’jaħsbu fuq il-mezzi soċjali (eż. Are You Being Served).
Id-deċiżjoni ta’ Juventus trid tiġi ġġudikata f’dan il-kuntest.
Il-brand u x’jista’ jkun li jsir
Fl-aħħar jiem, Juventus saru l-ewwel klabb tal-football li sar brand. Permezz tal-plejers, l-idoli ta’ miljuni, il-brand se tieħu l-ħajja u minħabba l-logħba, il-brand se tgawdi minn attenzjoni massiva kważi kull ġimgħa, kemm fl-Italja imma anke madwar id-dinja.
Huwa ovvju wkoll li l-amministrazzjoni Agnelli qed tieħu dan il-proġett bis-serjetà u qed tħares fit-tul. M’għandix dubju li dak li rajna s’issa għadu l-bidu. Il-mod kif sar il-branding, li telaq ’il bogħod mill-kunċett ta label/coat of arms, probabbli se jiġi estiż għall-prodotti jew servizzi, bħal pereżempju xorb, ħwejjeġ, equipment għall-gym u oġġetti oħrajn.
Meta għandek team daqshekk popolari, bħal Juventus, bidla radikali bħal din tindika wkoll li se jkun hemm bidla jew tiġdid fil-kultura inġenerali Juventina. Bil-mod il-mod qed nersqu aktar lejn intrapriża, kunċett li kien intuża minn Manchester United fil-passat u li ssarraf fi club b’saħħtu finanzjarjament għal snin twal.
L-ewwel riżultati
L-akbar suċċess s’issa huwa l-interess li qajmet, fejn f’dinja mimlija messaġġi promozzjonali hemm miljuni jitkellmu dwar il-brand ta’ Juventus. It-tieni suċċess huwa li Juventus kien innovattiv, u allura, issa sar klabb differenti minn kull klabb ieħor.
Il-logo nnifsu huwa prattiku immens biex jintuża. Kemm fuq materjal stampat u prodotti viżivi, il-logo jista’ jintwera mingħajr kumplikazzjonijiet.
Żvantaġġ kbir iżda, huwa li peress li m’hemmx kumplikazzjonijiet, il-brand tista’ tiġi riprodotta faċilment minn min jipproduċi prodotti foloz.
Kuraġġ għall-bidla
Bla dubju ta’ xejn wieħed ma jistax ma jammirax il-kuraġġ tat-team Agnelli. Kien ovvju li kull Juventin ġenwin se jeħodha bi kbira u jikkummenta dwaru. Kien ukoll ovvju li kull min huwa anti-Juve se jmaqdar u jiddieħak b’dan il-pass.
Fil-verità nemmen li Juventus bdew era ġdida fil-football, li mhux biss se jidħol fl-istorja, imma li fuq kollox se jiġġenera żieda fil-fondi, li finalment jissarraf f’tim b’saħħtu.
Futur sabiħ għal Juventus
Juventus din il-ġimgħa rnexxielha tibda brand li se jkun ħaj permezz tal-plejers u s-sapporters tal-klabb.
Dan kollu probabbilment ifisser li Juventus ikomplu jissaħħu finanzjarjament, li jippermetti aktar investiment fil-brand innifisha, li ma jista’ jfisser xejn aktar ħlief suċċess fit-tul għall-klabb.
Ġenjali.
Gordon Pace huwa konsultent tar-relazzjonijiet pubbliċi u marketing. Huwa jmexxi l-kumpanija Y Ltd, li tipprovdi servizzi relatati lil kumpanjji lokali u internazzjonali.