Wang Jianlin, li għandu 61 u hu l-iktar persuna sinjura fiċ-Ċina, qed jippjana li joħloq kompetizzjoni Ewropea ġdida li l-klabbs li jipparteċipaw fiha se jaqilgħu ferm iżjed flus milli jaqilgħu fil-kompetizzjonijiet eżistenti.

Jianlin hu sid il-kumpanija Dalian Wanda Group, li għandha valur totali ta’ iktar minn €18-il biljun. Il-grupp li jmexxi hu kellu diskussjonijiet mal-UEFA, iżda mhux eskluż li joħloq kompetizzjoni separata u rivali għal dawk organizzati attwalment.

Il-pjan tiegħu hu li fil-kompetizzjoni jieħdu sehem klabbs mill-Ingilterra, Spanja, l-Italja, il-Ġermanja u Franza, li huma meqjusa bħala l-aqwa ħamsa għad-dħul minn ftehim televiżivi.

Marco Bogarelli, direttur strateġiku ta’ Wanda Sports Holding, ikkonferma li diġà bdew diskussjonijiet mal-La Liga u s-Serie A, u wara l-EURO se jibdew diskussjonijiet mal-Premiership Ingliż, il-Bundesliga u l-Ligue 1.

L-intenzjoni ta’ Jianlin tkompli tibni fuq ix-xewqa tal-President Ċiniż Xi Jinping li jagħmel liċ-Ċina pajjiż sportiv kbir li jkun kapaċi jirbaħ it-Tazza tad-Dinja fil-futur qrib.

Riċentement numru ta’ sinjuri Ċiniżi investew fi klabbs Ewropej, inkluż Inter u Milan fl-Italja, waqt li klabbs Ċiniżi akkwistaw plejers ta’ valur bħal Alex Teixeira, Jackson Martínez u Ezequel Lavezzi.

Sors: Daily Mail