Statistika li tqis il-kampjonati tas-Serie A mill-2004/05 ‘l hawn (jiġifieri kemm ilu jsir b’għoxrin tim u b’sistema ta’ tliet punti għal rebħa) turi li Juventus għandhom il-preżupposti kollha biex jirbħu s-sitt Scudetto infila.

Dan hekk kif kull darba li tim kien fl-ewwel post wara tlettax-il partita, u kellu vantaġġ ta’ mill-inqas tliet punti fuq it-tieni post, dejjem kien dak it-tim li rebaħ il-kampjonat.

Bħalissa, wara tlettax-il ġurnata ta’ logħob tas-Serie A , Juventus jinsabu b’vantaġġ ta’ seba’ punti fuq Roma u Milan li jinsabu fit-tieni post. Fil-fatt, dan id-distakk huwa l-ikbar wieħed li qatt kien hemm bejn l-ewwel u t-tieni post f’dan il-punt tal-istaġun (mill-2004/05 ‘l hawn).

Numri oħrajn interessanti jirrigwardaw iż-żona t’isfel tal-kampjonat, fejn wieħed jara li meta d-distakk bejn ir-raba’ mill-aħħar u t-tielet mill-aħħar kien iktar minn zewġ punti dejjem kienu l-aħħar tlieta li sfaw relegati fis-Serie B. Dan ifisser li s-sentenza għal Pescara, Palermo u Crotone diġà maqtugħa.

Minkejja din l-istatistika, għad fadal ħamsa u għoxrin ġurnata ta’ logħob x’jintlagħbu u emozzjonijiet x’ ngħixu, li kif rajna s-sena l-oħra jistgħu jaqilbu kollox ta’ taħt fuq. Nittamaw biss li l-ewwel post ma jintmessx!

Sors: Gazzetta dello Sport

dical-banner-1200×280