Minkejja li l-Juventus Club Malta Cuore Bianconero kien sfurzat jagħlaq il-bibien tiegħu fuq talba tal-awtoritajiet tas-saħħa, il-Kumitat xorta waħda għadu għaddej bix-xogħol tiegħu biex ikompli jkun qrib il-Juventini Maltin.

Komplew ukoll il-laqgħat tal-Kumitat, b’mod virtwali, bl-għan li jiġu diskussi diversi inizjattivi li fost oħrajn għandhom l-għan li jgħinu lill-klabb f’dan il-mument diffiċli li ġabet magħha l-pandemija tal-coronavirus.

Ta’ min jinnota li minkejja li l-klabb hu sfurzat ma jilqax membri, bil-konsegwenza li d-dħul (sħubiji u d-donazzjoni li min mhux membru jħallas malli jidħol fil-klabb) sfaxxa għalkollox. Ladarba l-klabb jopera bħala għaqda mhux governattiva u m’għandux impjegati, allura ma jikkwalifika għall-ebda għajnuna finanzjarja mill-Gvern.

Madankollu l-klabb xorta għad għandu diversi spejjeż, b’mod speċjali l-kera ta’ kull xahar, bil-konsegwenza li kull tfaddil tal-klabb issa qed jispiċċa. Fid-dawl ta’ dan, fil-jiem li ġejjin se jitħabbru diversi inizjattivi li minnhom igawdu l-membri fl-istess waqt li l-klabb ma jkunx sfurzat jagħlaq għal dejjem.

Sadattant dawk li jixtiequ jgħinu lill-klabb jistgħu jagħmlu dan b’donazzjoni, anke jekk sempliċiment ta’ €1 biss. Id-donazzjonijiet jistgħu jsiru permezz ta’ Revolut fuq 9920 1009. Kull kontribut ikun apprezzat.