Il-ġurnata bdiet b’mod mhux tas-soltu għat-tfal tan-nursery ta’ Fgura United li s-Sibt filgħodu minflok taħriġ għamlu żjara f’Rainbow Ward flimkien mal-mistieden tal-Juventus Club Malta Cuore Bianconero, Fabio Nicolè.
Akkumpanjati minn Rennie Zerafa ta’ Puttinu Cares u mill-coaches tagħhom, huma qassmu rigali lill-pazjenti.
Din kienet waħda mill-aħħar żjarat f’Rainbow Ward, hekk kif matul dawn iż-żminijiet it-tfal jibdew iħallu l-isptar biex iqattgħu l-festi mal-familji tagħhom.
Fabio Nicolè, iben leġġenda ta’ Juventus u l-Italja, Bruno Nicolè, iddeskriva din iż-żjara bħala waħda emozzjonanti u li mlietlu qalbu bil-ferħ hekk kif seta’ jferraħ lil ħaddieħor.
Din kienet it-tieni sena konsekuttiva li Fgura United organizzaw żjara fl-Isptar Mater Dei fi żmien il-festi.