Tkompli tikber ir-rabja tal-partitarji Juventini, li sena wara l-oħra qed jaraw il-prezzijiet tal-biljetti tagħhom jiżdiedu drastikament.

Dan hekk kif, għal sena oħra konsekuttiva, Juventus żiedu l-prezzijiet tas-season tickets. Żieda li tvarja u f’xi każi saħansitra tqarreb jew taqbeż il-€250 fuq il-prezz tas-sena li għaddiet.

Jekk wieħed iħares lejn il-curve, il-prezz ta’ season ticket żdied minn €495 għal €595 u iktar waqt li fit-Tribuna Est Centrale (l-ogħla fost is-setturi tal-grawnd), il-prezz ilaħħaq l-€2,055.

Hu kkalkulat li l-prezzijiet żdiedu b’medja ta’ bejn l-10% u l-20%, biex b’hekk kompliet it-trend tal-aħħar snin. B’hekk jidher li Juventus, f’seba’ snin biss mill-mixja lejn il-Juventus (illum l-Allianz) Stadium se jkunu rduppjaw il-prezzijiet, anke grazzi għat-talba dejjem ikbar ta’ biljetti iżda grawnd żgħir li sar hekk bi skop.

Sena ilu, jiġifieri qabel din iż-żieda ulterjuri, kien hemm ilmenti għall-prezzijiet li kienu fost l-ogħla fl-Ewropa. It-tama hi li din iż-żieda se twassal ukoll għal akkwist kbir, anke fid-dawl li din is-sena l-kampanja ta’ abbonamenti se tkun bdiet xahar iktar tard mis-soltu.

Il-kampanja tal-abbonamenti għal dan l-istaġun tiftaħ nhar l-Erbgħa 4 ta’ Lulju, fl-10:00, għal dawk li jridu jġeddu l-abbonament tagħhom. Fil-jumejn wara mbagħad ikun hemm ċans għal dawk li għandhom abbonament u jixtiequ jbiddlu posthom biex immedjatament wara jsir il-bejgħ għall-membri J1897, u għall-Black and White Members.

Sors: il Bianconero

Tixtieq li r-riklam tiegħek jidher fuq kull artiklu ta’ dan is-sit, kif ukoll fuq il-pjattaformi kollha tal-klabb? Tista’ tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor jew titlob iżjed informazzjoni billi tagħmel kuntatt magħna fuq marketing@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq info@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280