minn Marlon Hili

Fil-bidu ta’ dan l-istaġun kont ktibt artiklu fuq dan is-sit fejn qsamt l-opinjoni tiegħi rigward it-tim preżenti ta’ Juventus u fl-istess ħin esprimejt l-ottimiżmu tiegħi li Juventus jerġgħu jkunu fil-finali ta’ Mejju li ġej ġewwa Kiev, l-Ukrajna.

S’issa wasalna sal-aħħar tmien timijiet, jew kif nafuha aħjar bħala l-kwartifinali, u sal-finali fadal 4 logħbiet oħra. Ovvjament għadni ottimist u nemmen li bħala kollettiv m’għandna xejn inqas minn timijiet oħra li fadal jikkompetu.

Iżda x’jiġri jekk dan ma jseħħx? X’jiġri jekk Juventus jerġgħu jfallu fic-Champions League?

Fl-Italja, Juventus issa ilhom jirbħu għal dawn l-aħħar sitt snin, u tista’ tgħid li bdejna resqin lejn is-seba’ waħda. Għalkemm li tirbaħ hu dejjem sabiħ, però hu anke fatt li fil-ħajja kollox jindera u jaqa’ fin-normalità. Illum, għalija personali, li Juventus jirbħu kontra Sassuolo, Inter, Napoli jew saħansitra li jirbħu l-Coppa Italia saret sitwazzjoni kemxejn normali, kważi nħossni qiegħed nesperjenza déjà vu!! Déjà vu li sfortunatament dejjem jerġa’ jinħass meta nibdew nersqu viċin ta’ dik l-imbierka tazza ta’ widnejha kbar.

Fejn irrid nasal? Bħala partitarju, u naħseb li anke intom li qegħdin taqraw dan l-artiklu (jekk ovvjament intom Juventini), id-dover tiegħi dejjem għamiltu: logħba nsegwiha dejjem, inkun fejn inkun u fi kwalunkwe ħin, nissapportjahom, xi kelma ’l hemm u ’l hawn niżgarraha wkoll, argumenti ma’ sħabi biex niddefendi t-telf fl-Ewropa kemm trid, u aktar minn hekk, xi ftit flus mhux ħażin infaqthom ukoll biex insegwihom fl-Italja u anke madwar l-Ewropa.

Hu għalhekk li nħoss li l-uniku dover bħala soċjetà hu li tirritorna lura dawn is-sagrifiċċji billi tirbaħ iċ-Champions League. Ma nafx intom però personalment nemmen li Juventus jirbħu kwalunkwe unur fl-Italja saret pjuttost normali, anzi nazzarda ngħid li saret rutina bħal meta ngħidu aħna qomt filgħodu u ħadt tazza kafè forsi tiġi f’tiegħek. Infatti tant kemm issir rutina li kważi ġieli ninsa jekk inkunx ħadt il-kafè jew le.

Xi jfisser dan? Sempliċi… Nibża’,u forsi għax dan is-sintomu qiegħed inħossu jien, li jekk Juventus ma jridux isiru irrilevanti mal-partitarji tagħhom stess, li aħna stess intuhom darna, li l-Istadium jerġa’ jibda jmut bħalma kien ġara fi żmien id-Delle Alpi, triq waħda hemm, anzi tnejn… jew li mmorru l-Mużew ta’ Juventus f’nofs ta’ lejl u nisirqu dik it-tazza ta’ Heysel u nieħdu d-divorzju minnha, jew biex neħilsu mingħajr ma niksru difrejna mal-liġi, li jgħollu t-tazza l-kbira, dik ta’ widnejha kbar li bħalissa qiegħda f’Madrid,u li ilna ma ngħollu għal 23 sena; għax ahjar inkun ċar fi kliemi ma jmorrux jaħsbu li qiegħed nirreferi għall-kafè!!

Però sat-tarf tat-tieni triq fadal ftit x’naqdfu, u hemm ‘vendetta’ li tissejjaħ Real Madrid u li rridu negħlbu, imbagħad warajhom min jaf … iżda bħal dejjem hu dover tiegħi u nispera li anke tagħkom li nibqgħu ottimisti li din l-irrilevanza ma tasal qatt!mat.

Tixtieq li r-riklam tiegħek jidher fuq kull artiklu ta’ dan is-sit, kif ukoll fuq il-pjattaformi kollha tal-klabb? Tista’ tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor jew titlob iżjed informazzjoni billi tagħmel kuntatt magħna fuq marketing@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq info@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280