1 – In-numru ta’ Buffon, l-aqwa gowler ta’ kull żmien, simbolu ta’ Juventinità.

2 – It-tieni finali fi 3 snin taħt Allegri. Forsi din id-darba…

3 – In-numru ta’ ġellied kbir u parti mill-BBC – Chiellini. Nisperaw f’markatura asfissjanti fuq Ronaldo issa…

4 – Il-punti ta’ distakk fuq Roma. Juru kemm il-kampjonat Taljan sar iebes meta tqabbel mad-distakk konsiderevoli tas-sena l-oħra, u jikxef kemm Juventus tjiebu meta tqis li rebħu żewġ unuri u hemm ċans għal ieħor.

5 – In-numru ta’ telfiet. Wisq, imma kif qal Allegri ċertu partiti trid titlifhom biex f’Ġunju tilgħab ġewwa Cardiff.

6 – It-tazzi prinċipali li s’issa ħa Allegri bi 3 doppjetti.
In-numru wkoll ta’ Khedira, li qalu li hu spiċċut u raġel tal-kristall. L-aqwa staġun ta’ ħajtu fl-opinjoni tiegħi: jixxuttja, jqassam, jiġri, jittekilja.
In-numru ta’ Scudetti infila: rekord assolut fl-Italja. Ħadd aqwa minna.

7 – Ir-rekord ta’ kampjonati infila fl-Ewropa, miżmum minn Lyon. Bħal daż-żmien sena forsi nkunu qed niċċelebraw li lħaqniehom…

8 – In-numru tal-Principino li qasam qalb kulħadd wara li nfaqa’ jibki waqt iċ-ċelebrazzjonijiet. Kellu sena iebsa wara li weġġa’ l-cruciate u kien paċenzjuż li jistenna l-waqt opportun. Qed insibuh issa fl-aħħar tal-istaġun, fl-iżjed mument kruċjali. Il-personifikazzjoni tal-umiltà li tgħallem Juventus.

9 – In-numru tal-iżjed plejer li skurja dan l-istaġun b’24 gowl. Għamel ukoll 4 assists. GOLzalo Higuain, li ta l-ispinta neċessarja fuq quddiem u ħafna u ħafna sagrifiċċji, u għażliet tekniċi diversi fuq quddiem. Stennejt iżjed mingħandu fiċ-Champions League. Forsi jagħlaqli ħalqi.

10 – M’hemmx plejer b’dan in-numru fit-tim wara li telaq Pogba, u m’hemmx bżonn ġaladarba kull darba jinżlu 11-il stilla fit-tim li jagħtu qalbhom għat-tim. Ukoll, il-vot li nagħti lil Allegri u lit-tim wara staġun bħal dan.

10 wkoll bħas-snin wara s-Serie B. Issa superpotenza Ewropea.

11 – L-iljuni li niżlu kull darba fil-grawnd. Jilgħabx it-titulari jew wieħed tal-vivaio ftit jimporta. Grinta u aggressività liema bħalha.

12 – In-numru ta’ plejer rivelazzjoni – Alex Sandro. Ġie bħala plejer li ħadd ma jaf bih, spiċċa stilla u wieħed mill-aqwa difensuri laterali tad-dinja. Stratosferiku.

13 – Bħalma t-12-il raġel jgħidu li huma s-sapporters, it-13-il wieħed hu l-kowċ. Allegri li bl-umiltà, bis-serenità, u bl-intelliġenza psikoloġika u tattika tiegħu wassal għat-tielet doppjetta konsekuttiva u għat-tieni finali ta’ Champions League. Meta l-istaġun kien sejjer ħażin qaleb il-formazzjoni u ġennen kull m’hemm. 15/10. Tal-ġenn. Kien jgħid li f’Marzu/April nibdew nirrankaw u ħadd ma jwaqqafna. M’emminniehx. Żbaljajna.

14 – In-numru ta’ penalties mogħtija lil Roma u xorta ma ġewx l-ewwel. Kieku ngħataw lil Juventus kien jinqala’ skandlu…

15 – In-numru ta’ Barzagli, li ta’ 36 sena jaċċetta rwol part time u jaċċetta li jilgħab difensur laterali. Inxtara għal €300,000 biss u għadu mill-aqwa fid-dinja. Kważi kważi difensur edukat, bilkemm jitħammeġ u jmiss lill-avversarju iżda ma jħallih jgħaddi kważi qatt. Artist.

16 – L-età ta’ Moise Kean meta ddebutta fiċ-Champions League u fil-lig, rekord.

17 – In-numru tal-omnipotenti Mandžukić. It-tim l-ewwel u qabel kollox. Xerred id-demm għall-flokk u b’hekk għalija jidħol f’qalbi u fl-istorja Juventina.

18 – L-età ta’ meta ngħaqad Mandragora ma’ Juventus – wieħed mill-aqwa midfielders fl-Italja. Bħalissa indisponibbli hekk kif inhu mgħajjat mal-Italja ta’ taħt l-20 sena. Lagħab 4 minuti u ta ballun a la Pirlo.

19 – In-numru ta’ Bonucci li dis-sena għallimna ħafna – il-futbol hu biss sport u l-familja l-ewwel u qabel kollox. Għeleb it-trawma ta’ Matteo u jissapportja lil ibnu li jżomm ma’ Torino u jieħdu l-grawnd.

20 – In-numru ta’ wieħed mill-wingers l-iżjed promettenti – Pjaca. Rajnieh ftit iżda dejjem wera x’jaf b’gowl importantissimu ma’ Porto. Ħasra li weġġa’. Kieku konna narawh ħafna iżjed minn wara l-Karnival lil hawn.

21 – In-numru ta’ La Joya – Dybala. Refa’ l-eredità ta’ Pirlo bla tbatija ta’ xejn. Tjieb ħafna tattikament hekk kif jiżvarja bejn il-linji bejn xellug, lemin, u nofs. Ġawhra ta’ vera.

22 – In-numru ta’ plejers li ntużaw f’dan l-istaġun.

23 – Alves – Miġnun, żeffien, perfett. Dam biex qabad imma meta qabad ġennen kull m’hemm. Gowls, assists, jippressa u jilgħab kullimkien. Eċċezzjonali.

24 – In-numru ta’ Rugani – Barzagli tal-futur. Is-sena d-dieħla jaf tkun is-sena tal-konsagrazzjoni tiegħu. Kull meta lagħab dejjem spikka.

25 – In-numru ta’ Neto. 2 Coppe Italia bis-saħħa tiegħu u kull meta lagħab fil-lig dejjem lagħab tajjeb ukoll. Hu l-futur wara Buffon?

26 – In-numru ta’ gowls li qalgħu Juventus fil-kampjonat. Wisq ħdejn is-soltu, imma xorta l-aqwa difiża. Għal darb’oħra ġewwa l-Italja rebaħ it-tim bl-aqwa difiża.

27 – In-numru ta’ Sturaro. Wieħed li ma tantx jibda imma tpoġġih fejn tpoġġih jobżoq id-demm, jagħti qalbu, u jekk jiġi sostitwit jidħol jiġri u jittekilja fid-dressing room ukoll. Wieħed mill-idoli personali tiegħi li hu ssottovalutat bil-kbir.

28 – L-età medja tat-tim. Mhux żgħira imma lanqas kbira. Tixhed it-taħlita ta’ esperjenza u żgħożija.

29 – In-numru tad-DJ De Ceglie li mingħajru xejn ma kien ikun possibbli.

30 – L-età ta’ Benatia. Plejer ieħor li wasal fost ix-xettiċiżmu imma kull meta lagħab, taqta’ kontra Roma, lagħab tajjeb ħafna.

31 – In-numru ta’ rebħiet ġewwa l-Juventus Stadium bejn lig u Coppa Italia. Fortizza.

32 – In-numru t’Emil Audero, it-tielet gowler fil-ġerarkija, li għalkemm ma lagħabx minuta kien importanti biex ngħaqqdu l-kwota ta’ plejers imrobbijin minn Juventus u gowler għall-futur. Diġà rebaħ iżjed minn Totti u kien perċimes kbir fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Iscudetto.

33 – L-età ta’ Lichtsteiner. Wieħed mill-eroj ta’ dan it-tim. Rebaħ 6 Scudetti infila, rekord assolut, flimkien ma’ Buffon, Chiellini, Bonucci, Barzagli u Marchisio. Rebħu iżjed huma f’ħajjithom minn Roma u Napoli f’daqqa.

34 – In-numru totali ta’ Scudetti bejn Milan u Inter. Il-milanesi flimkien lanqas jgħaqqdu kemm rebħu Juventus b’kollox. Kemm aħna kbar.

35 – In-numru rekord ta’ Scudetti.

Sorsi: Juventus, Transfermarkt, CalcioStat, Instagram

Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280