Bidu diżastruż, bidu ħażin ħafna, bidu li weġġa’ lil ħafna Juventini imma issa hu bidu li issa ntesa, miet u mar. Bidu li m’għadux bidu, se jkun it-tmiem dalwaqt.

Ilkoll niftakru fil-prestazzjonijiet foqra li għaddew minnhom Juventus, it-telfa wara l-oħra ma’ Udinese, Roma, Frosinone u Sassuolo. Żewġ postijiet bogħod mir-relegazzjoni wara l-ewwel xahrejn tal-kampjonat. Diżastru!

Iżda l-paġna nqalbet, kemm fl-Ewropa u kemm fl-Italja. Waslu żewġ rebħiet kontra Manchester City, rebħa tad-derby fid-90 minuta, il-gowl ta’ Dybala li kkastiga lil Milan, ir-rebħ għand Lazio fil-kampjonat u fil-Coppa Italia, il-kwalifikazzjoni mill-gruppi tal-UEFA Champions League, il-gowl ta’ Zaza kontra Napoli, id-dominanza kontra Inter kif ukoll il-kwalifikazzjoni għall-finali tal-Coppa Italia ġewwa San Siro. U llum, seba’ logħbiet ‘il bogħod mit-tmiem tal-kampjonat u b’6 punti vantaġġ fuq Napoli!

6 punti li jaf jiżdiedu kif ukoll jonqsu. 6 punti vantaġġ li bħalissa Juventus jinsabu komdi bihom. 6 punti li jfissru żewġ rebħiet. 6 punti li jaf jissarrfu fil-kampjonat numru 34.