1. Il-futur ta’ Allegri – se jħalli lil Juventus jew le? Jista’ jkun. Iżda r-relazzjoni mad-diriġenza Juventina hija waħda soda u ta’ fiduċja reċiproka. Minkejja li f’dawn l-aħħar jiem il-midja ħolqot kjass sħiħ madwar il-kowċ Juventin wara t-telfa ta’ Doha, xorta jibqa’ l-fatt li l-paroli li sar kien mingħajr bażi solida. Nemmen li jekk din is-sena jsir progress fil-UEFA Champions League, m’hemm l-ebda raġuni għalfejn Allegri għandu jitneħħa minn postu.

2. L-irwol ta’ Rincón – ċertament mhuwiex l-iktar plejer tekniku li hawn, mhuwiex il-colpo a la Higuaín. Imma fl-opinjoni tiegħi huwa akkwist ġust fil-mument opportun. Plejer li jista’ jilgħab fiċ-Champions League, u li l-grinta tiegħu tista’ tkun fundamentali f’dawk il-mumenti fejn it-tim ikun xi ftit rilassat u nieqes mill-kattiverja.

3. Akkwisti oħra f’Jannar – wara l-wasla ta’ Tomás Rincón, u b’Witsel jidher iddestinat lejn iċ-Ċina, se jiġi midfieder ieħor? Jista’ jkun, speċjalment meta Asamoah u Lemina se jkunu impenjati fit-Tazza Afrikana, u b’Hernanes li jinteressa lil ċertu klabbs serjament. Min? Forsi Bentancur (li diġà hemm qbil dwaru għal Ġunju), forsi Gagliardini ta’ Atalanta. Iktar diffiċli Tolisso u N’Zonzi. Li hu kważi ċert hu li m’għandniex nistennew xi akkwist kbir, sakemm Marotta ma jagħtiniex xi sorpriża …

4. Il-colpo a la Higuaín tal-2017 – ftit taż-żmien ilu, Marotta kien stqarr mal-ġurnalisti li Juventus għandhom il-kapaċità finanzjarja biex jagħmlu transfers bħal dak ta’ Higuaín. Isco u James Rodríguez kemm-il darba ssemmew li jistgħu jħallu lil Real Madrid fis-sajf li ġej. Iżda wara kollox, bħal daż-żmien sena, ħadd ma kien qed jistenna t-trasferiment ta’ Higuaín. Li nistgħu ngħidu hu li probabbli l-istilla tal-2017 se tkun ta’ nofs il-grawnd.

5. It-tiġdid tal-kuntratt ta’ Dybala – qalb ħafna spekulazzjoni li l-attakkant Arġentin jista’ jingħaqad ma’ Barcelona jew Real Madrid, nemmen li din is-sena jibqa’ jilbes il-kuluri suwed u bojod. B’mod partikolari jekk l-iskwadra ta’ Juventus tkompli tissaħħaħ u jibqgħu ġejjin ir-riżultati. Għandu biex ikun idolu t-tip ta’ Del Piero. U jekk il-kliem li qal dwar l-imħabba li għandu lejn Juventus huma minnhom, m’għandniex għalfejn ninkwetaw wisq.

6. Marko Pjaca – plejer li wasal Turin fis-sajf li għadda wara taqtigħa taħraq ma’ Milan. Plejer ta’ talent enormi u ta’ potenzjal liema bħalu. Iżda fl-2016 ftit li xejn rajnieh fl-azzjoni minħabba l-injury li sofra. Din is-sena għandha tkun is-sena tiegħu, hekk kien qal Max Allegri. Nisperaw.

7. Is-sistema tattika – bid-dħul ta’ Pjaca, b’Mandžukić li ma’ tistax tilgħab mingħajru, b’Higuaín magna tal-gowls, b’Dybala li jiftaħ difiża waħdu, u bi Pjanić li sab saqajh bħala trekwartista, biex ma nsemmux lil Cuadrado li kapaċi jbiddel partita f’nofsha, il-probabbiltà hi li se naraw Juventus kamaleontika. Tim li jkun kapaċi jibdel is-sistema tattika skont l-avversarju. Tim li jkun imprevedibbli. Tim li jista’ jibdel mill-garanzija tat-3-5-2, għall-fantasija tal-4-3-1-2, għall-futbol offensiv tal-4-3-3.

8. Is-sitt scudetto infila, u l-UEFA Champions League – finalment, minkejja dak kollu li ktibt, l-attenzjoni tagħna se tkun kważi kollha fuq dawn iż-żewġ objettivi. Li tkompli tinkiteb l-istorja bis-sitt kampjonat konsekuttiv, u li naraw lil Capitan Buffon jgħolli t-tazza ta’ widnejha kbar. Bil-vantaġġ li bnew Juventus s’issa fil-kampjonat għandha tkun iktar fattibbli, iżda x-xorti tilgħab sehemha wkoll. Nittamaw li din is-sena tidħkilna.

dical-banner-1200×280