Tlieta bħad-difensuri titulari. Tlieta bħan-numru tal-flokk tal-Gorilla Chiellini. Tlieta bħall-punti ta’ distakk.

Fl-aħħar hemm distakk tanġibbli minn tat-tieni. Rebħa ‘l bogħod. Mhux wisq, vera, imma wara bidu diżastruż, ejja ma ndurux mal-lewża, għax hekk kien, hija ħaġa sabiħa ħafna li tara Juventus miktuba fuq nett.

17-il riżultat utli. 16-il rebħa u dro. 49 punt mill-possibli 51. Numri mostrużi li juru l-grinta u l-volontà għar-rebħ, li juru li l-Juventus wara li qalgħet daqqtejn, reġgħet qamet fuq saqajha lesta għall-ġlied u lesta biex tkisser ‘il kull min jiġi quddiemha. L-Inter biss qatt għamlet aħjar. L-Inter ta’ bla kompetizzjoni fil-lig. L-Inter li lagħbet waħedha. Il-Juventus għandhom lin-Napoli, li qed imur aħjar min-Napoli ta’ Maradona, lir-Roma u lill-Fiorentina viċin ħafna.

U appuntu, għalhekk ma jfissirx li l-bqija tal-lig għan-niżla. Baqa’ 11-il logħba, 33 punt. Dan ifisser li matematikament l-Udinese, li qegħdin fl-erbatax-il post għadhom biċ-ċans li jieħdu l-kampjonat. Realistikament sal-Fiorentina għandhom ċans, jiġifieri hemm erba’ timijiet li qed jissieltu biex jgħollu t-tazza f’Ġunju. Kampjonat miftuħ immens.

Ma ninsewx ukoll li l-Juventus qed jiġġieldu għal tliet tazzi, filwaqt li l-oħrajn għandhom biss il-kampjonat. Ir-Roma għandha c-Champions League imma onestament naħseb li m’għandhomx ħajja twila fiha. Il-Juventus jilagħbu kull tlett ijiem u l-oħrajn darba f’ġimgħa. Dan ifisser inqas preparazzjoni, inqas ħin biex jirkupraw il-plejers u possibilment iżjed plejers imweġġgħin. It-tlieta l-oħra jistgħu jqattgħu jumejn fil-ġimgħa rilaks u jistrieħu.

Għalkemm nemmen li l-Juventus ħa joħorġu rebbieħa, fl-aħħar mill-aħħar irridu nżommu saqajna mal-art u ma nifirħux qabel il-waqt. Inħallu lil ħaddieħor jifraħ f’Lulju, f’Awwissu, f’Diċembru u f’Jannar. Aħna nifirħu meta jkollna ċ-ċertezza matematika. Biss. Kull logħba hija importanti u iebsa biex nirbħuhom kollha dawk li baqa’.

Għan-niżla żgur li le. Possibli li nkunu rebbieħa? Iva. Ħafna possibli. Irridu nistennew xi tumbata sal-aħħar tat-triq, imma nemmen li naslu. Nistgħu nfallu partita waħda. U xi waħda ħa nfallu kważi żgur. U għalhekk għandna nberkuhom dawn it-tliet punti.

Mela saqajna mal-art, noħolmu b’ċerta attenzjoni u ma naqtgħu qalbna qatt. Fino alla fine.