Il-kwarti tal-finali tal-Europa League bejn Liverpool u Borussia Dortmund intemmet kif ħadd ma stenna.

Disa’ minuti mill-bidu tal-logħba, u Liverpool kienu tnejn minn taħt. Fit-48 minuta kulħadd ħaseb li Liverpool daħlu fil-logħba, u fil-65 minuta kulħadd ħaseb li t-tielet gowl ta’ Borussia Dortmund kien id-daqqa mortali.

Iżda Liverpool baqgħu jissieltu. Jiskurjaw it-3-2, it-3-3 u fl-aħħar sekondi tal-logħba jirnexxilhom jgħaqqdu anke r-rebħa. Jirbħu wkoll il-kwalifikazzjoni għaliex qatt ma waqfu jiġġieldu.

Jiġġieldu. Kelma esaġerata għal logħba li rat żewġ klabbs korrettissimi. L-ebda ġlied. L-ebda fawls koroh. Logħba missielta imma mingħajr polemika. Tliet sofor biss minkejja t-tensjoni.

Liverpool u Borussia Dortmund tawna lezzjoni. Lezzjoni ta’ futbol għaliex dan hu l-futbol. Dan hu dak li jagħmel l-isport li tant inħobbu bħala l-aqwa sport. Fi tmiem il-logħba saħansitra awguraw lil xulxin.

Liverpool Borussia

Messaġġ ta’ rispett anke lill-partitarji taż-żewġ naħat. Kemm huma fortunati Liverpool li għandhom partitarji li jibqgħu jemmnu u jafdaw fit-tim. Imma fuq kollox kemm hu sabiħ tisma’ grawnd sħiħ ikanta flimkien qabel il-logħba.

Borussia u Liverpool għandhom innu li jgħaqqadhom. Għandhom lil Jürgen Klopp li jgħaqqadhom. Imma fuq kollox għandhom partitarji li ġibdu r-rispett ta’ ħafna.

Kemm nixtiequ li fl-Italja naraw xeni simili.