F’dan l-aħħar sigħat l-iskwalifika tal-Pipita tnaqqset għal tliet logħbiet. Dan ifisser li weħel logħba għax tkeċċa b’żewġ sofor u żewġ logħbiet għax-xenata ta’ wara. Jiġifieri weħel daqs Khedira. X’nitgħallmu?

1. Jekk taqbiżlek u tiddeċiedi li taqla’ ħamra, taqlagħhiex biss fuq offiża waħda sula sula. Strieħ u aqla’ kollox minn fuq l-istonku.

2. Jekk mhux biżżejjed, aqbad lir-referì mill-flokk u għajjat ġo wiċċu.

3. Jekk għadek tħossok stressjat, aqla’ ġlieda u pprova ħebb għall-avversarji tiegħek.

4. Jekk dan kollu għalik mhux biżżejjed u trid tilgħab biċċ’oħra, irrifjuta li toħroġ u insisti li trid tlesti l-partita.

5. Kif taħbat ħa tikkalma għax ġew erbgħa minn sħabek iżommuk milli tagħmel rambo-ata, erġa’ tella’ r-rabja Stam-jana ta’ ġo fik u ġġieled magħhom ukoll u mal-istaff ta’ fuq il-bank.

6. Meta inti, sħabek u min iżomm miegħek tindunaw bil-baħnanata kolossali li tkun għamilt, ibki fuq kull mezz tax-xandir u soċjali bil-‘campionato falsato’ ħalli tieħu skont.

7. Tieħu l-iskont.

Mela għaliex toffendi biss jekk bl-istess prezz tieħu l-istess ħaġa? Qisek tmur tiekol, il-laħam waħdu jkun €15 u l-menù fiss bil-bruschetta, laħam, ġelat u koka jkun €15 xorta u tieħu l-laħam biss. Trid tkun ċuċ, le le?