Waħda mill-kwalitajiet li veru tolqotni f’Allegri hija l-umiltà kbira li għandu dan il-kowċ minn Livorno.
Fl-aħħar tal-logħba
Eżatt kif ir-referì jsaffar tmiem il-logħba dejjem tarah dieħel ‘il ġewwa sparat. Qisu rrabjat għal xi ħaġa jew xi ħadd. Meta staqsewh fuq SKY għaliex jagħmel hekk wieġeb li jagħmel hekk biex iħalli lill-plejers tiegħu jgawdu r-rebħa u jixorbu t-tifħir tal-pubbliku u l-glorja.
Fl-intervisti
Xi ħaġa verament interessanti hija kif juża l-pronomi ‘aħna’ jew ‘huma’ fl-intervisti. Meta t-tim jirbaħ jew imur tajjeb dejjem jgħid: “Il-plejers għamlu logħba tajba”, jew: “Bis-saħħa tagħhom rebħet Juventus illum, għamlu xi ħaġa kbira u straordinarja”. Anke wara r-rebħ tal-kampjonat, faħħarhom u rari ħarbitlu “Aħna” jew “Irbaħna.” Meta jitkellem dwar il-bidla li seħħet wara Sassuolo dejjem jgħid li bis-saħħa tal-kliem ta’ Buffon u t’Evra, meta bla dubju hu mmotivahom ukoll, imma ma jsemmi xejn dwar dan.
Juża biss il-kollettiv meta jkun hemm bżonn li jieħu l-pressjoni u r-responsabbiltà minn fuq il-plejers u jitfagħha fuqu. “Tlifna għax ma tantx konna letali quddiem il-lasta.” “Forsi l-kowċ żbalja l-preparazzjoni tal-partita.” “Stajna nilagħbu aħjar, forsi l-kowċ mhux jimmotiva biżżejjed.” Hemm ħafna drabi fejn seħħet din, jiġifieri diffiċli biex wieħed jitfa’ vidjow jew tnejn, imma jekk wieħed jara l-intervista ta’ SKY ta’ m’ilux joħroġ dan kollu.
Il-Plejers
Ħafna kkritikawh għax ma kienx jilgħab lil Morata, lil Dybala u lil Rugani imma fl-aħħar mill-aħħar hu kellu raġun. Meta jistaqsuh fuqhom dejjem jgħid l-istess ħaġa: “Kibru, żviluppaw ħafna u bdew jilagħbu għax kien ħaqqhom li jibdew jilagħbu.” Ovvjament kibru u żviluppaw bis-saħħa tiegħu imma qatt ma jgħid dan. Jew inkella dejjem jalludi għall-istaff tiegħu u jfaħħar lill-istaff tiegħu.
Din ma toħroġx meta jitkellem fuq il-plejers iż-żgħar biss. Khedira jgħid li hu wieħed mill-aqwa fid-dinja, Pogba jista’ jsir l-aqwa fid-dinja u anke Dybala. Jgħid li d-difiża Juventina hija l-aqwa fl-Ewropa u fl-attakk waħda mis-superpotenzi.
Tisimgħu jitkellem taħsbu ġurnalist qrib il-Juve bħal Zuliani jew Balzarini, mhux il-fulkru ta’ dan ir-rebħ kollu u dan it-tank tal-gwerra li hu Juventus. Qisu jitfa’ ħajt bejnu u bejn il-plejers biex iħallihom igawdu huma u jidhru huma, imbagħad meta jkun hemm xi problema arah jagħmilha hu ta’ ħajt. Qisu ma jridx jammetti li hu tajjeb u bis-saħħa tiegħu qegħdin hemm. Qisu t-tim jimxi waħdu u hu kemm jagħti l-intervisti u daqshekk.
Kultant trid tieqaf minuta u tgħid: “Dan il-kowċ bilħaqq. Grazzi!”
Ħalli Kumment