Issa li għamel id-debutt tiegħu anki t-tim Taljan kif ukoll dak Spanjol, b’kollox lagħbu għaxra mit-tnax-il plejer Juventin preżenti fl-Euro 2016. Ta’ min jgħid li Rugani huwa t-tlettax-il plejer Juventin imsejjaħ fi kwalità ta’ riżerva. Inħarsu ftit lejn il-wirjiet individwali ta’ dawk li lagħbu lbieraħ.
Morata: Deher xi ftit iżolat fl-attakk minkejja wirja pożittiva min-naħa tiegħu. Ta wkoll żewġ xuttijiet tajbin li sabu lil Čech f’forma tajba jimblukkalu darbtejn. Fit-62 minuta ġie sostitwit minn Aduriz.
Buffon: Ma kellux jagħmel xi interventi partikolari ħlief fil-bidu tal-logħba fuq Nainggolan. Seta’ weġġa’ meta pprova jiddendel mal-lasta biex jiċċelebra r-rebħa.
Bonucci: L-aqwa plejer tal-logħba b’wirja eċċellenti u li tkompli tikkonferma li hu fost l-aqwa difensuri fid-dinja. Logħob impekkabbli kemm fid-difiża u kemm bħala reġista. Ta assist inkreddibli lil Giaccherini li wassal għall-ewwel gowl kif ukoll diversi crosses oħra lil sħabu f’nofs il-grawnd u fl-attakk.
Barzagli: Waqqaf numru t’attakki Belġjani fuq in-naħa tiegħu għalkemm għamel xi żbalji li mhux soltu jagħmel.
Chiellini: Kien eċċellenti fil-one on one ma’ Lukaku tant li kważi tfieh għal kollox ħlief f’okkażjoni waħda, kif ukoll fil-mumenti ta’ difiża fil-kaxxa, speċjalment mill-korners.
Ħalli Kumment