Minn għada jiftaħ is-suq tat-trasferimenti b’mod uffiċjali, għalkemm jekk wieħed iħares lejn il-gazzetti u t-televixin lanqas biss jinduna li għadu ma fetaħx. Hemm plejers li huma assolutament inċedibbli bħaż-żewġ Pawliet: Pogba u Dybala. Iżda hemm plejers oħra li fl-opinjoni tiegħi Juventus għandhom ineħħu. Ħa nitkellem biss fuq plejers li huma parti mill-iskwadra prinċipali.
Neto – Nixtiequ ħafna jibqa’ imma rapporti varji juru li għandu wġigħ ta’ żaqq u jrid jilgħab iżjed. Sorsi differenti qalu li qed igerger u dan joħloq inċertezza u nuqqas ta’ stabbiltà fi ħdan it-tim. F’intervista riċenti, l-aġent tiegħu qal li għadhom ma rċevewx offerti, imma ħa jevalwaw kull offerta possibbli li tidħol. Gowler tajjeb ħafna kif wera fir-rebħ tal-Coppa Italia, imma jekk mhux lest joqgħod sostitut, aħjar jitlaq u Allegri jtella’ xi ħadd miż-żgħar apparti Audero.
Caceres – Sod ħafna fuq wara u versatili, iżda l-ħin kollu jweġġa’. Mill-intervista li ta Allegri lil Fabio Fazio deher li Caceres mhux ħa jġedded il-kuntratt u jitlaq b’xejn bħala trasferiment Bosman. Illum, infatti, Juventus ikkonfermaw li ħa jitlaq fuq il-paġna uffiċjali ta’ Facebook.
Hernanes – Saqajn tajbin imma l-ewwel sena tiegħu ma tantx impressjonat. Karta ħamra għalxejn fiċ-Champions League, gowl wieħed biss, xejn assists u ħafna passaġġi żbaljati u nuqqas ta’ ġiri. F’24 preżenza totali li jissarrfu f’1,489 minuta, skurja wieħed biss u ta assist wieħed biss. Jagħti ħafna esperjenza u tajjeb fil-freekicks, imma ta’ 31 sena ma tantx għandu fejn jitjieb. Meta tikkunsidra li deħlin regoli ġodda li jippromwovu l-plejers iż-żgħar, nemmen li għandu jħalli postu.
Asamoah – Versatili, veloċi, jaqbeż il-plejers. Midfielder eċċezzjonali. L-unika problema hija li jilgħab logħba u għoxrin le, għax iweġġa’. Fl-istaġun li għadda deher biss tlettax-il darba għalkemm għamel żewġ assists. Il-fatt li Allegri ma inkludiehx fil-lista taċ-Champions League tgħid ħafna. Ingħaqad ma’ Juventus fl-2012 u kemm ilu ma’ Juventus weġġa’ ħames darbiet. Bħala medja Juventus jilagħbu 50 partita fis-sena. Jiġifieri b’kollox tilef 72 partita minn 200, li jiġu 36% mil-logħob. Iżjed minn terz, li huma wisq. Sfortunatament minn meta weġġa’ fl-istaġun 2014/15 qatt ma reġa’ għal li kien. Ħasra għax għad għandu 27 sena biss. Jekk tiġi offerta tajba nemmen li għandu jitlaq.

 

L-Alternattivi

 
Kif diġà għidt, jekk ma jinstabx xi ħadd li kuntent joqgħod sostitut ta’ Buffon, l-aħjar huwa jekk jittella’ xi ħadd miż-żgħar. Barra milli Juventus jiffrankaw il-flus, iżidu ieħor mal-lista ta’ plejers li kibru mal-Primavera jew li għall-inqas kibru fl-Italja u jibda jitgħallem għal meta jasal iż-żmien li jirtira Buffon u joħodlu postu.
Flok Caceres u Hernanes jista’ jiġi lura Marrone, li huwa ta’ kwalità tajba u tkabbar minn Juventus. Jilgħab kemm fiċ-ċentru tad-difiża u kemm bħala midfielder. Juventus jolqtu żewġ għasafar b’ġebla waħda. Anzi tlieta, għax jirreġistraw plejer ieħor imkabbar minn Juventus. Jista’ jiġi wkoll Mandragora, plejer li Allegri qal ħa jagħtih ċans juri x’jaf fil-pre-season.
Federico Mattiello, t’għoxrin sena, jista’ jkun is-sostitut ta’ Asamoah fil-midfield, jew tad-difiżi laterali fil-bżonn li dawn jilagħbu avvanzati mal-linja. Fil-ftit li rajnieh, jidher promettenti ħafna u tajjeb biżżejjed għal-logħob tal-kampjonat. Mattiello tkabbar ukoll minn Juventus u jaf x’jiġifieri l-mentalità Juventina.
Referenzi: Transfermark.com