It-tluq ta’ Paul Pogba jweġġa’, u jweġġa’ ħafna.

Nammetti li kont qed nistennieha xi ftit għalkemm fil-fond ta’ qalbi bdejt nispera li jibqa’. Allura tweġġa’ dik il-ħarira iżjed.

Iweġġa’ għaliex Allegri fil-programm ta’ Fabio Fazio qal li ħa jibqa’. Iweġġa’ għax kienu ddeskrivewh bħala inċedibbli. Iweġġa’ għax għadna mhux il-livell ta’ Muhammed Ali u Joe Frasier fuq livell Ewropew. Kull sajf bit-togħma qarsa. Kull sajf wara ikla tajba nagħlqu bil-limonċello.

Brejk. Ma rridux ninsew żewġ affarijiet. L-ewwel nett ġew plejers tajbin u stabbiliti; Higuaín, Pjanić u Alves fost l-oħrajn. It-tieni nett, għad baqa’ 22 jum sakemm jintemm is-suq.

Fi 22 jum jistgħu jiġru ħafna affarijiet. Nafdaw f’Marotta li għandu żewg prekuntratti lesti ma’ żewġ midfielders ta’ karatura internazzjonali. Kroos u James Rodriguez l-ewwel li jiġu f’moħħi.

Jekk il-bejgħ sar biss biex jiffinanzja lill-Pipita jew agħar minn hekk, biex isir qligħ minnu, mela din kienet operazzjoni diżastruża b’mentalità provinċjali.
Iżda kif għidt qabel, ma tistax iżżomm plejer milli jitlaq għax jilgħab ħażin u kontra qalbu. Ġejja somma enormi. U jaf ma joħroġx il-potenzjal kollu tiegħu.

Insomma, Paul Labile Pogba mhux Juventus FC. Imma din li tawh l-10 tirritani.  Marketing biss u sfruttament. Aħjar irtirawh dakinhar li telaq Alessandro Del Piero.
Insomma. Nawguralu li jirbaħ il-lig u t-tazzi domestiċi. Imma daqshekk. Fl-Ewropa le, għax fl-Ewropa hemm aħna.

Merci et adieu Paul.