minn Marlon Hili

Ilna snin twal, sena wara sena u logħba wara logħba, nisimgħu akkużi kontra t-tim ta’ Juventus. Ir-referees huma kollha ma’ Juventus, ħallelin, skandli, kampjonati falsati u ma nafx kemm-il titlu ieħor.

Ngħiduha kif inhi, Calciopoli farsa kemm hi farsa ma tgħinx f’din is-sitwazzjoni, anzi minħabba dan l-episodju min jattaka sab ħajt sod fejn jiggranfa sabiex joħloq argument.

Imma vera? Jew kif ngħidu l-Maltin huma kollha frott ta’ biki għal dawk li ma jistgħux jilħqu l-għeneb u allura jtegħmuh qares?

Hawnhekk hawn ftit statistika mill-2006/07 (Juventus, Napoli u Genoa bi staġun inqas):

Serie A: Juventus 5 (kważi 6), Inter 4, Milan 1
Coppa Italia: Juventus 2, Inter 2, Roma 2, Lazio 2, Napoli 1
Supercoppa Italiana: Juventus 3, Inter 2, Milan 2, Lazio 1, Napoli 1
Punti totali: Juventus – (775), Inter – (769), Milan – (736), Roma – (705), Napoli – (644), Lazio – (626), Genoa – (476)
Goals favur: Roma – (735), Inter – (693), Juventus – (675), Milan – (665), Napoli – (630), Lazio – (577), Genoa – (468)
Goals kontra: Genoa – (509), Lazio – (483), Roma – (464), Inter – (433), Milan – (416), Napoli – (417), Juventus – (306)
Differenza ta’ gowls: Juventus – (369), Roma – (271), Inter – (260), Milan – (249), Napoli – (213), Lazio – (94), Genoa – (49)

(Din l-istatistika ġiet maħduma qabel il-logħba ta’ Juventus vs Milan tal-10 ta’ Marzu 2017)

Kontu tafu li Juventus, minn kemm ilu jeżisti l-kampjonat Taljan, huma l-iktar tim li kisbu punti? Total ta’ 4,295. Isegwu Inter b’4,027, Milan bi 3,992 u r-rivali eterni tagħna Napoli qegħdin fis-7 post ta’ din il-klassifika b’2,775 punti.

Matul dawn is-snin kollha rajna wkoll rekord ta’ staġun sħiħ bla telfa, rekord ta’ punti fi staġun wieħed, rekord ta’ rebħ f’dar Juventus u rekord ta’ clean sheets. Dalwaqt isegwi wkoll rekord ta’ rebħ ta’ kampjonati infila.

Naħseb li dawn l-istatistiċi jitkellmu waħedhom għalfejn Juventus kellhom dawn is-suċċessi kollha, fejn bi staġun inqas minn Inter, Roma, Lazio, u Milan tista’ tgħid naqsu milli jkunu l-aqwa biss fil-gowls favur. U bħal ma qegħdin tinnotaw ma ktibtx statistiċi oħra li jistgħu jkunu ferm aktar kontroversjali, bħall-penalties favur u kontra, fawls, eċċ. …

Hu faċli taħbi n-nuqqasijiet tiegħek billi tattakka u tkisser dak li ħaddieħor kien qiegħed jagħmel b’suċess, u timla l-imħuħ tas-sapporters li n-nuqqas ta’ suċċess tiegħek mhux għax għandek tim u soċjetà medjokri.

Fost dawn, klabbs li matul dawn l-għaxar snin bidlu ma nafx kemm-il kowċ, b’Roma u Inter jibdlu s-sidien tagħhom (Inter saħansitra darbtejn f’temp ta’ sena) u b’tim bħal Milan b’mod mill-aktar suspettuż ilhom biex ibigħu l-ishma tagħhom xahar wara xahar. Dawn tal-aħħar biex forsi bil-flus li jien insejħilhom materjali jkollhom is-suċessi li kellhom tims bħal ta’ Manchester City u PSG.

Għal dawn l-avversarji, skont l-intellettwal tagħhom, Juventus jirbħu mhux għax ilhom aktar minn nofs seklu bl-istess sidien, u mingħajr għajnuna finanzjarja minn barranin (avolja xorta waħda llum għandhom saħħa finanzjarja enormi li tikkompeti ma’ tims ta’ forza mondjali), jew għax għandhom soċjetà serja li dejjem għażlet b’għaqal il-plejers li jilbsu l-flokk ta’ Juventus.

Timmaġinaw lil Buffon (captain ta’ Juventus) ta’ 23 sena joħroġ bijografija li fiha jattakka soċjetà u sapporters bħalma għamel Icardi riċentement? Timmaġinaw li kien jibqa’ captain ta’ Juventus? Onestament nemmen li kieku llum lanqas plejer ta’ Juventus ma għadu.

Madankollu, jibqgħu jħammġu u jitfgħu t-tajn, jgħidu li Juventus qegħdin jisirqu l-logħbiet b’azzjonijiet suspettużi li ħafna mid-drabi kważi dejjem jirriżulta li kienu deċiżjonijiet ġusti. U meta ma kinux, kienu jkunu deċiżjonijiet li tara f’kull logħba madwar id-dinja, inkluż f’logħbiet aktar importanti.

Niftakar fil-logħba bejn Ingilterra u Ġermanja valida għal post mal-aħħar tmienja tat-Tazza tad-Dinja tal-2010 b’gowl ċar minn freekick ta’ Lampard imħassar minkejja li l-iscreens fl-istadium kienu qed juru replay ċara. Iżda dan l-episodju tista’ tgħid li mill-ġurnata suċċessiva kien digà passat, u l-Italja għadhom juru filmati tal-fawl ta’ Iuliano fuq Ronaldo li seħħ kważi 20 sena ilu!

Fl-opinjoni tiegħi, li tista’ tkun kemxejn preġudikata minħabba l-passjoni li nħaddan lejn it-tim ta’ Juventus, nemmen li din hi kollha għira minn dawk it-timijiet li għal dawn l-aħħar snin ippruvaw mingħajr l-ebda suċċess biex ikollhom l-unuri li għandhom Juventus illum. Hu fatt li bis-sitwazzjoni ta’ Calciopoli, kawża maħduma kompletament fuq farsa kif ippruvat mis-sentenzi li ħarġu riċentement, Juventus hu t-tim li kellu jsofri l-iktar.

Ħafna xtaqu li Juventus jiġu eliminati mill-elite tal-futbol Taljan u mondjali. Iżda dan ma kien xejn ħlief il-bidu ta’ storja oħra ta’ suċċessi għal Juventus, li kienu kapaċi jużaw din is-sitwazzjoni biex jeħilsu minn plejers li ħafna minnhom (apparti Ibrahimović) tista’ tgħid li kienu waslu lejn l-aħħar tal-karriera u bdew jibnu fuq plejers żgħażagħ u ta’ prospettiva, b’uħud minnhom għadhom sal-lum jilbsu l-flokk ta’ Juventus (bħal Buffon, Chiellini u Marchisio).

L-istaġun tas-Serie B kien ifisser ukoll il-bidu tal-proġett tat-twaqqigħ tal-istadium Delle Alpi, sabiex jinbena l-istadium li llum qegħdin nitgħaxxqu bih kemm il-Juventini kif ukoll ħafna sapporters ġenwini ta’ tims oħra. Xi ħaga li tims kbar oħra għadhom joħolmu u waqt li qed jippruvaw jipproġettawh saħansitra ġew antiċipati minn tims inqas kwotati bħal Sassuolo u Udinese.

Għal min nesa, meta Juventus ġew promossi mis-Serie B, magħhom ġew wkoll promossi Genoa u Napoli mingħajr il-bżonn ta’ playoffs. Dan minħabba l-fatt li d-distakk ta’ punti bejn it-tielet u r-raba’ tim kien aktar minn 10 punti (proprju għalhekk li fl-istatistika żidt wkoll lil Genoa). Minn dak iż-żmien (għajr għat-tim ta’ Napoli bir-rebħ tal-Coppa Italia u s-Supercoppa Italiana) dawn it-timijiet kellhom ħafna aktar disfatti milli suċċessi, avolja Napoli jħobbu jsejħu lilhom infushom bħala ‘Rivali Eterni’ ta’ Juventus. Kif waslu għaliha sinċerament ma nafx, b’total ta’ unuri għal Juventus ta’ 61 u Napoli b’10! L-iktar tim li joqrob lejn Juventus fil-fatt huma Milan bi 48 trofew.

Wieħed però ma jridx jinsa punt importanti ħafna. Meta Juventus telgħu lura mill-kampjonat tas-Serie B, għad-differenza ta’ Napoli u Genoa li tista’ tgħid suppost kienu qegħdin jibnu imperu u jinħoloq proġett, Juventus kienu għadhom qegħdin jirkupraw minn telf finanzjarju enormi bir-relegazzjoni tagħhom. L-isponsors li bdew jabbandunaw il-vapur, stadium li għalkemm temporanju ma kienx addattat għal-livell ta tim bħal dak ta’ Juventus, fiduċja li riedet terġa’ tinkiseb fir-rigward ta’ plejers ta’ kalibru internazzjonali.

Dan apparti wkoll diriġenza fqira u bla esperjenza fil-kamp kalċistiku li dak iż-żmien il-familja Elkann kienet għażlet sabiex terġa’ tibni fejn ħallew il-predeċessuri tagħhom. Prova ċara ta’ dan hu meta tara l-formazzjoni li kienu jinżlu biha Juventus: Grygera, Boumsong, Zebina, Poulsen, Rinaudo … insemmihom ukoll jaqbadni l-biki. Iżda wara dak kollu li għaddew minnu Juventus, illum nistgħu ngħidu li nissapportjaw tim li fil-kamp internazzjonali hu meqjus bħala r-raba’ fid-dinja bħala forza wara Real Madrid, Barcelona u Bayern München. U dan mhux aħna ngħiduh.

Matul dan il-perjodu li semmejt, timmaġina li l-avversarji l-kbar l-oħra bħal Milan u Inter kienu qegħdin japprofittaw mid-disfatti ta’ Juventus u jibnu tim kompetittiv maħsub għall-futur u jantiċipaw lil Juventus bi plejers li dak iż-żmien kienu qegħdin juru prospettiva importanti. Iżda mhux hekk kien il-każ, infatti matul dawn iż-żminijiet dawn kienu qegħdin ibigħu plejers kbar bħal Eto’o, Milito, Julio Cesar, Samuel, Gattuso, Pirlo, Zambrotta, Ibrahimović (u ċertament xi wieħed qiegħed ninsa żgur) u jiġu mibdula bi plejers bħal Muntari, Constant, Zapata, Abate u jekk nibqa’ nikteb naħseb ma nispiċċa qatt.

Bil-klassifika ta’ dawn it-timijiet li twaqqagħhom għar-ridikolu sena wara sena! Kulħadd jaqbel li kieku dawn it-timijiet ħadmu b’għaqal, kieku llum għal Juventus kienet tkun diffiċli sabiex jilħqu dan il-livell, meta tikkunsidra s-snin kollha li tilfu minħabba Calciopoli.

Forsi ħafna minnkom qegħdin tistaqsu, għalfejn qiegħed nirreferi prinċiparjament għal sitwazzjonijiet li ġraw matul dawn l-aħħar għaxar snin? Għalkemm jien kburi bl-istorja ta’ Juventus sa mill-bidu tagħha, iżda jibqa’ l-fatt li minn wara Calciopoli Juventus bdew storja ġdida li ċertament se tibqa’ fl-istorja tal-futbol mondjali.

Allura għadkom taħsbu li dan kollu tort ta’ Juventus? Iġġudikaw intom!!

Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280