Issa li l-Bianconeri kollha lagħbu t-tieni partita tagħhom fl-Euro 2016 u li l-Juventini Taljani lagħbu kollha f’daqqa (sitta minn sitta) għal xi ħin waqt il-partita kontra l-Iżvezja, ejjew nagħtu ħarsa lejn il-wirja tagħhom.

Evra: Minkejja li ma kellux wirja mill-aqwa kif imdorrijin narawh jilgħab ma’ Juventus, cross minn tiegħu ra lil Giroud jolqot il-lasta.

Pogba: Daħal jilgħab fis-46 minuta u d-dħul tiegħu, minkejja li ma lagħabx xi logħob straordinarju, bidel l-andament tal-logħba anki minħabba l-bidla tattika li ġab miegħu.

Khedira: Għamel ħafna xogħol f’nofs il-grawnd li mhux kulħadd jarah u japprezzah. Ipprova kemm-il darba jqassam il-logħba sabiex jitfa’ pressjoni fuq id-difiża Pollakka.

Lichtsteiner: Ikkawża l-penalti li tefa’ lill-Iżvizzera fl-iżvantaġġ imma kien aħjar fit-tieni taqsima minkejja li ma kinetx l-aqwa logħba tiegħu.

Mandžukić: Għamel ħafna xogħol fl-attakk billi żamm u niżżel il-ballun kemm-il darba. Kien ukoll tajjeb ħafna fejn jidħlu l-assists.

Buffon: Xejn għajr rutina għal Supergigi illi ftit li xejn kien impenjat tul id-90 minuta. Din id-darba rnexxielu jiċċelebra billi jiddendel mal-lasta mingħajr ma jaqa’.

Barzagli: Sigurtà difensiva bħal dejjem. Seta’ mar aħjar f’dawk li huma long balls ’il quddiem kif talbu jagħmel Conte.

Bonucci: Insuperabbli fid-difiża. Kien ukoll ta’ għajnuna kontinwa u imprezzabbli lill-midfielders bil-passes fit-tul tiegħu. S’issa wieħed mill-aqwa plejers tal-Euro 2016 u bla dubju l-aqwa difensur.

Chiellini: Grintuż u aggressiv tant li Ibrahimović ma deher xejn tul il-logħba kollha. Kien attent għalkemm pjuttost deċiż fid-daħliet b’mod speċjali fuq Guidetti.

Sturaro: Daħal fil-85 minuta u ftit deher.

Zaza: Daħal flok Pellè fis-60 minuta u l-preżenza tiegħu nħasset mill-ewwel għalkemm f’diversi okkażjonijiet il-ballun ma tqassamx lilu meta kien f’pożizzjoni tajba. Niżżel il-ballun b’mod inkredibbli għal Eder fl-azzjoni li wasslet għall-gowl tar-rebħa.

Morata: Żewġ gowls u wirja mill-aqwa tant li huwa l-ewwel plejer f’din l-edizzjoni tal-Euro li għamel doppjetta. Kien tajjeb sa mill-ewwel minuti tal-partita fejn kien perikoluż kemm-il darba qabel skurja.

dical-banner-1200×280