Ilbieraħ kont preżenti qalb il-partitarji ta’ Real Madrid, u għalkemm huma għadhom kemm rebħu din il-kompetizzjoni sentejn ilu, xorta spikka l-eċitament kontinwu fosthom.

Kien is-solitu Sergio Ramos li fetaħ l-iskor, wara li sentejn ilu kien ġab id-dro fl-aħħar ħinijiet tal-partita. Fit-tieni taqsima, Atlético kienu aktar perikolużi sa anke kellhom penalti fallut minn Griezmann wara li dan laqat il-lasta. Madankollu Atlético ma qatgħux qalbhom, u din id-darba kien Carrasco li skurja l-gol tad-dro. Ronaldo skurja l-gol tar-rebħa fuq l-għoti tal-penaltis, wara li Juanfran ra l-penalti tiegħu jaħbat mal-lasta.

Rekord assolut għal Real bi 11-il trofew. Rekord ukoll għall-kowċ Zidane li rebaħ għat-tielet darba t-trofew, bħala plejer, assistent kowċ u l-ewwel kowċ Franċiż fl-istorja. Rajna wkoll it-tielet telfa fil-finali ta’ Atlético u t-tieni waħda għal Simeone fi 3 snin. Wieħed jistaqsi kif Simeone jirnexxilu jwaqqaf lil Real fil-kampjonat imma fil-finali dejjem isib ruħu tellief. Taħsbu li kien ħaqqu jerġa’ jitlef?

U aħna l-Juventini għandna nibqgħu nittamaw? Fl-opinjoni tiegħi iva, għaliex nemmen li jekk nibqgħu mexjin bil-għaqal din it-tazza tkun tagħna fil-viċin. Fino Alla Fine.