Jistaqsi l-kantawtur taljan, Fabrizio De André, “È stato meglio lasciarci, che non esserci mai incontrati?” Dik hija l-uniku domanda li kellna dwar Dybala: nagħtuh in-Numru Għaxra u nitwebblu li hu għal dejjem, bir-riskju li ma jkunx; jew ikun aħjar ma nagħtuhulu xejn, u ma nitwebblux?

Li Dybala bħala plejer huwa denju tal-Għaxra, kulħadd jaqbel. Paulo jabbina talent fin li jħallik bla kliem waqt li tlissen ‘ooh’, ma’ personalità u stoffa ta’ tfajjel li minn età żgħira ħalla d-dar biex isegwi l-ħolma tal-ballun. Tfajjel lii llum ma jiddejjaqx jerfa’ r-responsabbiltà li jagħti penalties fl-aħħar minuti, ħaġa li twasslu biex spiss ikun il-protagonist fuq it-tabella tal-iskor għalina.

Il-kalzetti mniżżlin ifakkruna f’Sivori, l-oriġini u s-sieq preferuta jfakkruna f’Messi u l-gowls bid-dawra fuq it-tieni lasta jfakkruna f’Del Piero; kollha sinonimi man-Numru Għaxra. Bħal Del Piero nxtara mill-provinċja, Palermo flok Padova; u bħal Del Piero ma ħassx il-qabża mill-klabb żgħir għal klabb kbir, b’gowls deċiżivi f’partiti importanti. Ta’ Del Piero qed nittamaw li Dybala jkun l-eredi.

L-aspettattivi huma għoljin: għalina li kbirna fid-disgħinijiet Del Piero huwa l-poster fil-kamra tagħna li, jiġri x’jiġri, ma jinqala’ qatt. Għand il-Juventus, in-Numru Għaxra mhuwiex biss numru, imma ħafna aktar. Aħna tal-Juventus għandna fiduċja għamja fin-Numru Għaxra li jkun il-bandiera tagħna b’lealtà u klassi. Għalhekk aħna kemxejn riservati fuq kemm nafdaw malajr dan il-flokk.

L-Għaxra fuq dahar Dybala huwa wegħda, huwa tegħmiża. Paulo bl-Għaxra qed jifflertja magħna, qed jgħidilna li jikkunsidra jimxi fuq il-passi ta’ Alex u jipproponilna mħabba li ddum. Ma’ Pogba, li wkoll kellu l-Għaxra, qatt ma kellna dik l-impressjoni, qatt ma ħassejna l-ebda ‘attachment’. Nitkellem għalija, dejjem qist lil Pogba bħala one-night stand; konxju li se jitgawda imma qatt ma ħsibt li kienet ħaġa serja li ddum, tant kemm dam ifesfislu f’widnejh il-famuż aġent Mino Raiola u tant kemm kien jifflertja ma’ klabbs barranin.

Paulo Dybala nħossu li huwa storja differenti. Paulo jixegħlu għajnejh meta jiġi intervistat minn Alex innifsu, u kien qal fl-istess intervista li iva, jixtieq isir bandiera bħalu. Paulo jerfa’ r-responsabbiltà tat-telfiet u jitkellem fil-plural wara r-rebħ. Paulo kellu flokk minn taħt jgħid ‘Alessio u Riccardo dejjem f’qalbna’, għax studja l-istorja tal-poplu tagħna, għax irid isir wieħed minna. B’differenza ta’ Paul, Paulo ma jtikx l-impressjoni li għandu l-passaport lest fuq il-komodina.

Li nittamaw aħna hu li meta jiġi l-mument u jibdew jaslu t-tentazzjonijiet għalih, aħna bħala Juventus nagħmlu biżżejjed biex it-tentazzjonijiet Paulo jkun jista’ jegħlibhom, li f’termini inqas romantiċi tfisser li nkunu kapaċi noffru kuntratti denji. Għax avolja qed inkunu romantiċi, l-ebda professjonist mhu se jistaġna f’post tax-xogħol, maħbub kemm hu maħbub, jekk inħawi oħra qed joffru t-tripplu. U ngħiduha kif inhi, anke Del Piero, meta pproponielna għoxrin sena ilu, konna ġibnieh wieħed mill-aktar footballers imħallsin, kif inhu xieraq.

Iva, naqbel illi Dybala jingħata n-Numru Għaxra. Naqbel li ma’ Paulo għandna nippruvaw għal xi ħaġa aktar serja minn dak li kellna ma’ Paul, xi ħaġa li tqarreb aktar lejn dak li kellna ma’ Alex.

Ejja nittamaw li jagħmel żmien twil magħna u qatt ma jkollna għalfejn nistaqsu d-domanda li bdejna biha: jekk kienx aħjar li twebbilna u nfridna jew li ma ltqajna xejn. Imma għalissa, ejja ngawduh sew, bit-tama li meta għad tispiċċa r-relazzjoni tagħna miegħu, id-domanda li nsaqsu tkun biss dik dwar min kien l-aqwa Għaxra li aħna niftakru; jekk hux Alessandro Del Piero, jew Paulo Dybala.

Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280