Il-pronostiċi kienu jpoġġu lil Leicester fl-aħħar post tal-klassifika. Qegħdin fil-quċċata, ras u spalla fuq il-klabbs sinjuruni kollha Ingliżi. Jiġri x’jiġri minn hawn sal-barkun, dak li qed jagħmel Ranieri mhu xejn inqas minn miraklu sportiv; irnexxielu jħalli d-dinja sportiva msaħħra, bis-sapporters newtrali kollha jifqgħu Facebook b’Vardy u Mahrez daqslikieku huma kienu sapporters ultras antiki tal-klabb immexxi mill-kowċ Taljan minn Ruma. Qed ikunu ta’ kontrotendenza għall-ħjiel li l-futbol sar biss flus, u waqt li Sarri u Benitez derrewna bl-iskużi bil-fatturat, Ranieri qiegħed imeri lil min jemmen li fil-futbol David ma jistax jirbaħ lil Gulija.
Għal ħafna minna segwaċi tal-futbol Taljan u mhux biss, din donnha ġiet bħala sorpriża, wara li konna tajnieh tikketta ta’ kowċ medjokri wara r-riżultati ma’ Juventus, Roma, Inter u oħrajn. Imma kien jimmeritah dit-tikketta?
Premessa: ma niftakarx kull wieħed minnkom x’kien jaħseb dwar Ranieri meta kien ma’ Juventus. Niftakar però il-maġġoranza tal-Juventini li kont naf, xtaqna ntajrulu rasu u nsibu kowċ floku. Il-qatra li fawret il-ġarra kienet il-famuża Napoli – Juventus. Partita importanti għall-ambizzjonijiet Juventini ta’ rebħ tal-kampjonat, fadal għoxrin minuta f’partita li tinsab skor ta’ 1-1. Kellna bżonn it-tliet punti u Ranieri għażel li jiddefendi r-riżultat billi qala’ lil Del Piero u daħħal lil De Ceglie. Jgħaddu ftit minuti u naqilgħu l-gol tat-telfa, Lavezzi fuq żball ta’ Knezevic. Kien żmien differenti, kien żmien fejn ma kontx issib Facebook mifqugħ bil-‘finoallafine’. Kienet sostituzzjoni li ħassbitna jekk il-kowċ kienx jaf liem tim qed jikkowċja, ċjoè tim b’ambizzjonijiet kbar li jrid jirbaħ kull partita u kampjonat.
Nistaqsi – konna ġusti nippretendu aħjar minn Ranieri b’dik l-iskwadra? Kienet skwadra li għadha ġejja mis-Serie B u l-akkwisti kienu l-magħrufa akkwisti ta’ Secco: Tiago, Andrade, Almiron, Grygera, Iaquinta. Kellu jibbaża fuq ir-revanċiżmu u l-qalb tal-plejers hekk imsejħa ‘kbar’ li niżlu magħna Serie B u oħrajn li ġew rivitalizzati bħal Cristiano Zanetti, Marchionni u Legrottaglie u plejers żgħażagħ bħal Chiellini, Nocerino, Molinaro u Palladino, u iktar tard Marchisio, De Ceglie u Giovinco. B’dik l-iskwadra kellu jibbaża kollox jew kważi fuq is-senaturi li niżlu l-kategorija, li però issa l-età fuqhom bdiet tidher ġmielha. B’dawk il-plejers nemmen li tista’ ċertament tirbaħ ċertu partiti importanti għax se jqumu għall-okkażjoni, imma għal kontinwità fi staġun sħiħ mhux biżejjed. Fil-fatt, Ranieri rnexxielu jirbaħ lil Real darbtejn (ċert li ma nsejtux l-istanding ovation tal-Bernabeu lil Del Piero), u ġab riżultati kontra Milan, Roma, Inter, sena u sentejn biss wara r-ritorn mis-Serie B.
L-ewwel staġun ma’ Ranieri għalaqnieh fit-tielet post u ġibna post fiċ-Champions League. Fit-tieni staġun konna t-tielet, qabel neħħejnieh żewġ partiti mit-tmiem għal Ferrara. Fis-sentejn ta’ wara biddilna minn Ferrara għal Zaccheroni għal Delneri, li kien mingħalina li kienu aqwa minn Ranieri, imma ġejna darbtejn is-seba’ post. Illum Ranieri qiegħed fil-quċċata tal-Premier League, mentri Ferrara jaħdem bħala opinjonist fuq Mediaset Premium, Zaccheroni jikkowċja ‘l bogħod mill-kontinent tal-futbol, sewwasew fiċ-Ċina u Delneri qiegħed fil-qiegħ tas-Serie A ma’ Verona.
Jekk ippretendejna li jieħu l-lig b’dik l-iskwadra, it-tort kien tagħna, li konna disillużi. Jista’ jkun ukoll li ma konniex ħadna wisq grazzja miegħu għax Ranieri, bħala persunaġġ, kien wisq ‘normali’, u ma kellux il-fanfarunati li dak iż-żmien derriena bihom l-‘ispecial one’. Kien jagħmel konferenzi stampa nojjużi, mingħajr spunt ta’ kontroversja, fi żmien li forsi konna taħt l-illużjoni li trid tkun eċċentriku, u jkollok xi ħaġa speċjali biex tirbaħ. Jista’ jkun ukoll li Ranieri kien wisq trankwill, u ftit li xejn ribelli rigward referis, u wara Calciopoli xtaqna vendetta u kowċ li jgħolli leħnu.
Fil-verità llum nemmen li ftit issimbolizzaw l-Istile Juve b’mod tajjeb daqs Ranieri. Dejjem trankwill, qatt ma qabeż il-linja: rispett lejn l-avversarju, jiffoka biss fuq il-pitch, qatt fuq il-moviola, jemmen li l-
ewwel hemm il-persuna u mbagħad jiġi l-plejer, eċċ. Fil-fatt, din tidher ċara fl-iskwadra li għandu llum, irnexxielu jagħtihom it-trankwillità li tim li jixtieq jirbaħ għandu bżonn.
Din is-sena sab l-inkwadratura perfetta, qed ikun id-direttur mhux biss ta’ skwadra imma ta’ storja tal-ħolm. L-uċuħ ta’ Vardy, Mahrez, Kantè u l-oħrajn drajniehom, u jekk sa ftit xhur ilu ma konniex nafu bihom illum saru atturi protagonisti ta’ din l-istorja li għaqqdet is-segwaċi tal-futbol kollha jissimpatizzaw magħhom. Spiss bl-istess ħdax, ħafna mill-partiti ta’ Leicester kienu kumbattuti u intensi; kellhom mixja ta’ kampjonat straordinarju li fih tilfu sa issa biss tliet logħbiet, li biex inpoġġuha f’perspettiva, l-iskwadra ta’ Messi-Suarez-Neymar tilfet erba’ partiti fix-xahar ta’ April biss. Leicester kienu forsi xi ftit fortunati li l-plejers prinċipali kienu kollha sani għal kampjonat sħiħ u xi ftit fortunati wkoll li l-kbar tal-Ingilterra ħallew vakum fil-quċċata għal dan l-istaġun.
Imma jekk hawn xi ħadd li miegħu l-fortuna għandha d-dejn, huwa proprju Claudio Ranieri, illi li kelli sa issa nqabblu ma’ persunaġġ tal-cartoons, kont nagħżel lil Wile E. Coyote li dejjem ikun viċin ħafna tat-tragward imma fl-aħħar il-fortuna ma tidħaklux. L-aktar każ xempju ta’ dan huwa l-istaġun ma’ Roma, dak kontra Inter tat-triplete li kien ħafna viċin li jirbaħ il-lig imma mbagħad kien hemm dik il-famuża Roma-Sampdoria li fiha Storari kien laqa’ kollox u anke aktar.
Li kellna nirriduċu l-futbol għal ‘min jirbaħ rebbieħ, u min jiġi t-tieni tellief’, inkunu qed inkunu superfiċjali u inġusti għax ninsew il-valur objettiv tal-iskwadri u l-fatt li l-futbol huwa sport tal-episodji. Nemmen li Ranieri qatt ma kellu skwadra tajba biżżejjed biex jirbaħ il-lig u kritika li qatt ma rebaħ il-kampjonat hija inġusta. Nemmen ukoll li għamel xogħol tajjeb f’diversi postijiet.
Se nfakkar l-affarijiet kbar tiegħu: tella’ lil Cagliari lura fis-Serie B u mbagħad fis-Serie A, promozzjoni storika lil Fiorentina u rebħa tal-Coppa Italia wara 30 sena, Copa del Rey ma’ Valencia wara għoxrin sena, salvazzjoni storika ma’ Parma ta’ Giuseppe Rossi, u ntenni, qabad lil Juventus li għadhom ġejjin minn Serie B u tefagħhom fl-ewwel postijiet. Issa jekk se mmaqdruh għal staġun ma’ Inter, qabel nagħmlu dan niftakru li qed insemmu appuntu lil Inter, u li f’dak l-ambjent anke l-kowċ favorit tagħna, Lippi, ma setax jagħti riżultati.
Jekk forsi dwar ir-riżultati tal-futbol tiegħu nistgħu niddiskutu, jew jekk forsi dwar il-kompetenza bħala kowċ nistgħu naqblu u ma naqblux, li hu żgur hu li naqblu li dan huwa ġentlom. Tant kemm hu ġentlom li niftakarna ngħidu, lura fiż-żmien, li dan huwa forsi wisq ġentlom f’dinja ta’ futbol dejjem aktar mimlija b’opportunisti u lupi. Ranieri huwa ġenwin, u persunaġġi bħalu jirrikonċiljawk mas-sbuħija tal-isport wara li rajnieh diversi drabi emozzjonat wara rebħa ma’ Leicester. Huwa ġentlom anke għax qatt ma tilef ċans ifaħħar ix-xogħol ta’ dak li kien kowċ ma’ Leicester qablu, Nigel Pearson, b’Ranieri jgħid li jixtieq ikompli jibni fuq ix-xogħol tajjeb tiegħu. Hija pjuttost ironika li ġara hekk, jekk tqis li Ranieri spiss kien ikun il-Pearson tas-sitwazzjoni, pereżempju ma’ Chelsea, fejn beda l-fondazzjoni għal Mourinho, u ġie t-tieni biss għax fl-ewwel post kien hemm Arsenal invinċibbli ma tilfet l-ebda partita, u ftit li xejn ingħata mertu tax-xogħol li għamel.
Għalhekk, naraha poetika li persunaġġ li lill-futbol tah tant imma ftit li xejn irċieva lura, qiegħed imexxi tim li l-futbol kollu qiegħed isegwi u jammira. L-allat tal-futbol qed iħallsu d-dejn li kellhom ma’ Claudio Ranieri, fi staġun li darba għal dejjem jista’ jibdel l-istorja ta’ dan l-isport, għax juri biċ-ċar li anke fl-iktar kampjonat li fih flus involuti, David jista’ jirbaħ lil Gulija, u Ranieri jista’ jieqaf ikun il-Wile E. Coyote jipprova jilħaq it-tragward, imma jsir ir-Robin Hood, jitfa’ t-tama fejn flus ma kienx hemm. Li jien konvint hu li lilu din mhux se tibdlu, Claudio Ranieri se jibqa’ l-ġentlom li ilna tant nammiraw. Forza Claudio!
Ħalli Kumment