Ħafna qed jistaqsu għalfejn logo ġdid. Kien hemm bżonn logo ieħor meta l-arma preżenti tatna daqshekk sodisfazzjon?
L-ewwel ħaġa importanti hi li nifhmu l-istrateġija wara dan l-eżerċizzju, li jmur ħafna ’l bogħod minn sempliċement logo ġdid. Huwa proġett ta’ rebranding. Ħidma fejn fis-snin li ġejjin, Juventus se jkunu qed iniedu proġetti differenti f’oqsma varji, fosthom il-ftuħ ta’ katina ta’ lukandi u ristoranti.
Il-logo l-antik seta’ jaħdem tajjeb fuq flokk jew fuq screen, però diffiċli jiġi inkorporat f’logo ta’ katina ta’ lukandi jew proġetti oħra simili.
Dan il-logo jagħti flessibbiltà fl-użu tiegħu, huwa sempliċi fil-format tiegħu, però fl-istess ħin qed juri ambizzjoni. Hemm ukoll enfasi fuq l-abjad u l-iswed, il-kuluri tant popolari tal-klabb minn Turin, u dan sabiex tinżamm xorta t-tradizzjoni Juventina.
Juventus qed iħarsu lejn pajjiżi u kontinenti differenti, għalhekk riedu joħolqu kunċett li jappella għal nies varji, ta’ kulturi u etajiet differenti. Hemm enfasi fuq l-stil, sabiex jolqot lil dawk in-nies li jassoċjaw ruħom ma’ brands moderni u prestiġġjużi.
Illum kull klabb li jrid ikabbar is-suċċess tiegħu jrid jimraħ lejn swieq ġodda. Għalhekk dan l-eżerċizzju mhux sempliċement logo ġdid. Huwa rebranding: identità ġdida bi stil raffinat ta’ klabb li qed iħares lejn il-futur. Persważ li l-aġenzija ‘Interbrand’, li hija rappreżentata fi 17-il pajjiż differenti, u li ħadmet fuq brands kbar bħal Siemens, Asics, Deutsche Telecom, Bacardi, Telecom Italia u ħafna ditti prestiġġjużi oħrajn, għamlet ħafna riċerka qabel ma kkonkludiet din il-brand il-ġdida.
Proġett li ħa iktar minn sena qabel ma ġie ppreżentat. Dan sabiex ‘Interbrand’ tkun ċerta li dak li qed tagħmel se jintlaqa’ tajjeb kemm mis-sapporters ta’ Juventus f’pajjiżi differenti, kif ukoll minn dawk li forsi ma tantx jinteressahom l-isport, iżda li jistgħu jkunu interessati fil-proġetti ġodda ta’ Juventus, lil hinn mill-futbol.
Kull bidla ġġib diskussjoni, speċjalment meta ħafna huma marbutin mat-tradizzjoni Juventina. L-opinjoni fuq disinn ta’ logo taf tkun suġġettiva, però meta wieħed jara kollox fil-kuntest ta’ rebranding b’ambizzjonijiet internazzjonali, jista’ jifhem aħjar l-għażla li saret.
Irridu nwarrbu ftit fil-ġenb is-sentimenti tagħna u naħsbu b’moħħna u nifhmu fejn sejrin Juventus fis-snin li ġejjin, biex b’hekk napprezzaw aktar ix-xogħol li sar.
Chris Borg iggradwa fil-Komunikazzjoni fl-Unviersità ta’ Malta u fil-Marketing mil-London Chartered Insititute of Marketing. Matul dawn l-aħħar 15-il sena ħadem fil-qasam tal-branding, marketing u reklamar, fejn kien involut f’numru ta’ eżerċizzji ta’ rebranding, kif ukoll ftuħ ta’ brands ġodda ġewwa Malta.
Ħalli Kumment