Kull klabb Ewropew għandu ħafna plejers b’ismijiet magħrufa. Però kull tim għandu dawk il-plejers fenomeni żgħar mil-età iżda xorta jagħtu lit-tim tagħhom xi ħaġa iżjed minn ħaddieħor. Inġib eżempju bir-Real Madrid, li għandhom lil Isco jew Jesé Rodríguez. Barcelona min-naħa l-oħra għandom lil Sergi Roberto u Ivan Rakitić. Bayern München għandhom lil Thiago Alcântara u David Alaba.
U Juventus lil min għandhom? Żgur mhux forsi li kulħadd mar għal xi plejers partikolari. Però bla ebda dubju l-iktar tnejn maħbubin mill-Juventini bħalissa huma l-perla Arġentina Paulo Dybala u l-mostru Franċiż Paul Pogba.
Dawn huma plejers li jekk maż-żmien jiġu mibjugħa lil xi klabb ikbar, żgur mhux forsi se jinħass in-nuqqas tagħhom bħalma nħass in-nuqqas ta’ Carlos Tevez u Arturo Vidal. Plejers li l-effett tagħhom jidher dejjem u jekk ikunu neqsin mill-azzjoni, il-pjan ta’ Juventus ikun dgħajjef. Inqas tajjeb.
Paulo Dybala, rigal sabiħ mingħand Palermo għal somma kbira mhux mistennija, fejn anke sapporters Juventini kienu baqgħu maħsuda, Però żgur mhux forsi llum il-ġurnata jaħsbuha mod ieħor. Maż-żmien, il-valur tiegħu jaf tkompli tikber u bir-raġun.
Paul Pogba, żball ta’ Sir Alex Ferguson, sarraf f’teżor għal Antonio Conte li introduċa lill-Franċiż fil-logħba professjonali tal-futbol Taljan. Żmien wara hu bbrilla fil-qalba tax-xena Ewropea. Għal somma żgħira immens Pogba ngħaqad mal-klabb minn Turin fejn minn dakinhar infetħitlu l-karriera beraħ, b’numru ta’ klabbs kbar joffru kuntratti kbar ħafna lill-Franċiż.
Ġojjelli. Jaf ma jkunux ta’ isem kbir iżda b’effett fenomenali. Il-popolarità tagħhom jaf tkun żgħira iżda l-qalb tkun kbira. Mhux il-kwantità, il-kwalità. Ġojjelli li għandhom dik ix-xi ħaġa iktar. Dik ix-xi ħaġa speċjali.
Pogba u Dybala. Il-bidu ta’ kapitlu grandjuż? Jew daqt itemmu l-esperjenza Juventina? Fis-suq tat-trasferimenti se jkunu protagonisti? Jew se jkomplu juru l-lealtà?
Ġojjelli li verament bħalissa għandna napprezzaw u ngawdu kull mument tagħhom.
Ħalli Kumment