Issa hija uffiċjali u l-aħbar li ħafna Juventini ma xtaqux jisimgħu jew jaqraw dwarha ma fadalx dubji dwarha. Álvaro Morata se jkollu jħalli lil Juventus dan is-sajf biex jirritorna ma’ Real Madrid. Jekk hux se jibqa’ magħhom jew jekk hux se jiġi mibjugħ lil xi klabb ieħor għadu ma jafu ħadd. Iżda li se jitlaq issa ġie kkonfermat kemm minn Beppe Marotta kif ukoll minn Real Madrid.

Nagħtu ħarsa lejn dawk il-plejers li huma msemmija li jistgħu jieħdu postu.

Isem li ilu jiċċirkola ftit staġuni mhux ħażin huwa dak ta’ Edinson Cavani. Saħansitra kien hemm indikazzjonijiet li seta’ jingħaqad ma’ Juventus qabel kien mar ma’ Palermo. L-attakkant illum għandu 29 sena u jinsab fl-aqwa żmien tal-karriera tiegħu. Dejjem kellu rendiment tajjeb ħafna bejn logħob u gowls skurjati.

F’109 logħbiet ma’ Palermo skurja 34 gowl iżda kien ma’ Napoli li Cavani wera t-talent kbir tiegħu meta skurja 78 f’104 logħbiet. Ma damx ma ġibed fuqu l-attenzjoni ta’ wieħed mill-aktar klabbs sinjuri fl-Ewropa, PSG, li għal somma ta’ madwar €64m assiguraw il-prestazzjonijiet tiegħu. Ma’ PSG Cavani kellu problemi ta’ pożizzjoni fil-grawnd minħabba l-fatt li l-pożizzjoni ta’ striker titulari kienet okkupata mingħajr ebda diskussjoni minn Ibrahimović. Iżda minkejja l-fatt li ġieli lagħab anki bħala full back, xorta skurja 53 gowl f’97 logħba. Man-nazzjonal Cavani skurja 32 gowl f’81 logħba.

Attakkant ieħor li ssemma b’ċerta regolarità huwa Romelu Lukaku, plejer li fil-bidu tal-karriera tiegħu ħafna ttimbrawh bħala d-Drogba l-ġdid. Lukaku għad għandu 23 sena biss u diġa lagħab ma’ numru ta’ klabbs importanti. Ta’ età żgħira, ma’ Anderlecht skurja 33 gowl fi 73 logħba. Meta xtrawh Chelsea l-aspettattivi kienu kbar iżda Lukaku ddiżappunta u f’10 logħbiet ma skurjax gowl wieħed. Fl-2012-13 ġie misluf lil West Bromwich Albion fejn lagħab 35 logħba u skurja 17-il gowl. Is-sena ta’ wara mar b’self ma’ Everton fejn f’31 logħba skurja 15-il gowl u fl-istaġun 2014-15 ġie mixtri kompletament mill-istess Everton fejn skurja 28 gowl fi 73 logħba.

Trasferiment li sa issa huwa uffiċjali li se jerġa’ jfalli huwa dak ta’ Domenico Berardi. Meqjus bħala l-akbar talent Taljan, fl-età ta’ 21 sena dan il-plejer ħafna jaraw fih nuqqas ta’ ambizzjoni minħabba l-fatt li għat-2 sena konsekuttiva ma aċċettax li jsir plejer ta’ Juventus u għażel li jibqa’ mal-klabb preżenti tiegħu, Sassuolo. Għalih 49 gowl f’127 logħba ma’ Sassuolo. Apparti n-nuqqas ta’ ambizzjoni, Berardi spiss jiġi kkritikat għall-imġiba tiegħu fil-grawnd.

Wara li fil-passat falla għal darba, darbtejn l-akkwist tiegħu, isem ieħor li reġa’ qiegħed fl-aħbarijiet huwa dak ta’ Alexis Sanchez. Plejer internazzjonali Ċilen b’esperjenza kbira fil-kampjonat Taljan, f’dak Spanjol kif ukoll fil-Premiership Ingliż. Fil-karriera tiegħu ma’ top clubs jew kampjonati prinċipali skurja 20 gowl ma’ Udinese f’95 logħba, 39 gowl fi 88 logħba ma’ Barcelona u 29 gowl f’65 ma’ Arsenal. Bla dubju plejer li kieku jiġi akkwistat iġib miegħu bagalja ta’ esperjenza. L-età tiegħu hija dik ta’ 27 sena, jiġifieri quddiemu fadallu l-aqwa snin.

Isem ġdid huwa dak tal-plejer ta’ 21 sena li fil-preżent huwa ttesserat ma’ Lazio, Keita Balde. In-numri ma tantx huma favurih għax skurja biss 10 gowls f’77 logħba iżda kull min rah jilgħab seta’ japprezza t-talent u s-saħħa ta’ dan il-plejer. Ġej mill-Cantera ta’ Barcelona fejn kien irreġistrat magħhom bejn l-2004 u l-2011 u sa issa għandu preżenza waħda man-nazzjonal tas-Senegal minkejja li twieled f’Abrucies ġewwa Spanja.

Isem ġdid ieħor huwa dak ta’ Ciro Immobile. Fil-fatt qed jissemma li jista’ jiġi lura b’self. Iva jiġi lura għax Immobile huwa plejer li beda l-karriera professjonistika tiegħu ma’ Juventus fejn lagħab anki 3 logħbiet bejn l-2009 u l-2012. Kien misluf ma’ bosta klabbs Taljani żgħar oħra iżda kellu l-aqwa sena tiegħu ma’ Pescara fis-Serie B meta f’37 logħba skurja 28 gowl. Is-sena ta’ wara lagħab ma’ Genoa fejn fi 33 logħba skurja biss 5 gowls. Sena oħra tajba għalih kienet l-2013/14 fejn fi 33 logħba skurja 22 gowl. Kien f’din is-sena li Juventus iddeċidew li jagħmlu l-flus mit-trasferiment tiegħu u ċedewh lil Borussia Dortmund; iżda kellu sena estremament negattiva tant li f’24 logħba skurja biss 3 gowls.

Ma’ Siviglia lagħab 8 logħbiet u skurja 2 gowls biss. Minn hawn reġa’ sab ruħu ma’ Torino b’self u skurja 5 gowls fi 12-il logħba. Ta’ 26 sena għad għandu ammont ta’ snin biex ikompli jitjieb u bħalissa huwa parti mit-team nazzjonali Taljan li qed jieħu sehem fil-Euro 2016. S’issa lagħab 14-il logħba u skurja gowl wieħed man-nazzjonal.

Wieħed minn żewġ ismijiet li qed jissemew bħalissa, aktar bi prospettiva għall-futur, huwa Arkadiusz Milik ta’ 22 sena li kellu sena fenomenali ma’ Ajax, fejn skurja 21 gowl f’31 partita u li bħalissa qed jiġbed ħafna attenzjoni fuqu waqt il-logħob ta’ Euro16 man-nazzjonal tiegħu, il-Polonja. Mal-istess nazzjonal s’issa lagħab 29 logħba u skurja 11-il gowl.

It-tieni isem huwa dak ta’ Michy Batshuayi, plejer ta’ 23 sena, nazzjonal Belġjan b’5 logħbiet u 2 gowls. Il-plejer ilu sentejn ma’ Marseille fejn lagħab 62 logħba u skurja 26 gowl. Bejn l-2011 u l-2014 kien ittesserat ma’ Standard Liege fejn f’97 logħba skurja 39 gowl.

L-aħħar u mhux l-inqas, il-ġurnal Tuttosport illum ħareġ b’artiklu li għal ħafna jista’ jitqies bħala ġennata jew ġenjalità. Xi ngħidu kieku s-sostitut ta’ Morata jkun Álvaro Morata stess?

Hemm xnigħat li Juventus jistgħu jerġgħu jippruvaw jixtruh wara li r-Real għamlu użu mill-qbil tar-recompra. Ovvjament iridu joħorġu aktar minn €30m li ħallsu għalih ir-Real u huwa kkalkulat li l-plusvalenza li l-plejer għamel ma’ Juventus tammonta għal €18m. Mhux misteru li bħalissa bejn iż-żewġ klabbs għaddejjin trattattivi kbar speċjalment meta tqis li r-Real iridu lil Paul Pogba bis-saħħa u mhux eskluż li Morata jerġa’ b’xi mod jispiċċa ma’ Juventus kemm bħala parti minn din it-trattattiva jew fi trattattiva kompletament separata.

Fl-opinjoni tiegħi, nemmen li l-aqwa għażla tkun l-aħħar waħda, dik ta’ Álvaro Morata, għax nafu l-plejer xi jsarraf, nafu li qiegħed għal qalbu Turin u nafu wkoll kemm, fil-logħob importanti, kien deċiżiv. Iżda jekk din l-għażla mhux se tkun possibbli, il-favurit tiegħi jkun Cavani. Is-somma marbuta miegħu kemm biex tixtrih u kemm bħala paga hija waħda importanti. Iżda Cavani għandu esperjenza kemm fil-league Taljan kif ukoll fuq livell internazzjonali ma’ PSG u Napoli u man-nazzjonal tal-Urugwaj. Il-lasta jsibha ma’ kull min jilgħab u ta’ 29 sena għandu 4/5 snin tajbin ħafna quddiemu għax qiegħed fil-quċċata tal-maturità fiżika u sportiva tiegħu.