Issa li baqa’ biss madwar ħmistax sabiex jagħlaq is-suq tat-trasferimenti, ejjew nagħtu ħarsa lejn x’ġara s’issa fejn jidħlu l-Bianconeri.

Akkwisti

Sal-lum, Juventus akkwistaw sitt plejers (meta wieħed jinkludi lil Mandragora), li ħamsa minnhom bla dubju huma ta’ livell għoli ferm. Ejjew nagħtu ħarsa lejhom wieħed wieħed.

Pjanić: Akkwistat mingħand Roma billi tħallset il-klawsola ta’ 32 miljun ewro, dan il-midfielder diġà wera kemm hu akkwist importanti, tant illi ma damx wisq m’adatta ruħu għas-sistema t’Allegri u jidher illi se jkun qiegħed jimla l-vojt li ħalla Pirlo fir-reġija tat-tim. Fil-185 logħba li lagħab ma’ Roma, huwa skurja 30 gowl u ta 46 assist. Pjanić huwa bla dubju akkwist kbir illi ser isaħħaħ mhux ftit il-midfield tal-Bianconeri speċjalment meta wieħed iqis l-età ta’ 26 sena.

Dani Alves:
Minkejja li għandu 33 sena, Dani Alves huwa plejer ta’ valur indiskuss u meta wieħed iqis li Juventus akkwistawh b’xejn mingħand Barcelona dan ikompli jżid il-valur ta’ dan l-akkwist illi jista’ jagħti daqqa t’id mhux ħażin fejn jidħlu crosses u xogħol fuq il-wing. Huwa plejer li kapaċi jkopri kull qasam fuq il-lemin tal-grawnd u b’hekk huwa soluzzjoni tad-deheb għal Allegri. Kemm dam ma’ Barcellona huwa lagħab 391 logħba, skurja 21 gowl u ta 102 assists. Bla dubju se jagħti lit-tim esperjenza, fantażija u anki opportunitajiet ta’ gowls.

Pjaca: Akkwistat għall-prezz ta’ 23 miljun ewro mingħand Dinamo Zagreb, dan il-left wing ta’ 21 sena, diġà wera li jiswiehom kollha tant li impressjona sewwa fil-pre-season s’issa. Huwa plejer veloċi, b’kapaċitajiet kbar kemm fejn jidħlu assists kif ukoll fejn jidħlu gowls. Kemm dam mat-tim mill-Kroazja, huwa lagħab 91 logħba, skurja 28 gowl u ta 13-il assist. Jista’ jkun li Juventus irnexxielhom jakkwistaw stilla oħra.

Benatia:
Ħlas minimu ta’ 3 miljun ewro u Juventus akkwistaw difensur kbir ieħor li jkompli jżid il-valur ġa enormi tad-difiża ffurmata minn Bonucci, Barzagli u Chiellini flimkien ma’ Rugani. Fiż-żmien li għamel ma’ Bayern Munich (li mingħandhom ġie akkwistat) huwa lagħab 46 logħba, skurja 3 gowls u ta 3 assists. Il-plejer li ilu l-ħolma ta’ Juventus għal diversi snin bla dubju kompla saħħaħ il-Bianconeri u meta wieħed iqis li ġie minflok Caceres, nemmen illi tejjeb mhux ftit din il-parti tat-tim.

Higuaín: L-akkwist tal-attakkant Arġentin ġab miegħu ħafna kontroversja bejn minħabba l-prezz li sewa lil Juventus (90 miljun ewro), bejn minħabba kif ġie akkwistat mingħand Napoli (billi tħallset il-klawsola) u bejn li jidher li jiżen xi kilo żejjed u għadu mhux fil-forma ideali tiegħu. Minkejja dan kollu, jibqa’ l-fatt li huwa wieħed mill-aħjar attakkanti li hawn bħalissa u la darba jikseb il-forma se jkun pedina importanti ħafna fl-attakk ta’ Juventus. Nemmen li bl-akkwist ta’ dan il-plejer, il-Bianconeri għandhom attakk tal-ogħla livell u għad ninsew kemm sewa flus u kemm deher oħxon fl-ewwel dehriet tiegħu bil-flokk abjad u iswed. Kemm dam ma’ Napoli huwa lagħab 146 logħba, skurja 91 gowl u ta 26 assist.

Mandragora: Il-bidu għal dan il-midfielder ta’ 19-il sena ma kienx wieħed mill-iktar sbieħ hekk kif kellu jiġi operat minħabba injury antika li kellu. Jekk għal mument inwarrbu naqra dan il-fatt, il-plejer huwa meqjus fost dawk li għad ikunu l-istilel tal-futur u l-akkwist tiegħu mingħand Pescara għal 6 miljun ewro huwa xhieda ta’ dan. Huwa kapaċi jilgħab kemm fin-nofs tad-difiża kif ukoll bħala midfielder ċentrali jew difensiv. Ma’ Pescara huwa lagħab 27 logħba u ta 2 assists.

Minbarra dawn wieħed ma jridx jinsa l-akkwist għalkollox ta’ Lemina, illi minkejja li s-sena l-oħra ma tantx sab post fit-tim, jidher li kemm il-kowċ kif ukoll id-diriġenza għandhom fiduċja sħiħa fih tant li minkejja l-ħafna għajdut li jista’ jinbiegħ u l-ħafna timijiet interessati fih, jidher li l-Bianconeri mhux lesti li jċeduh. Biex akkwistawh għalkollox Juventus ħallsu 9.5 miljun ewro lil Marseille. Ma’ Juventus s’issa lagħab 13-il darba u skurja 2 gowls.

Plejers li telqu jew tneħħew

Cáceres: Telaq wara li ma ġġedidlux il-kuntratt wara 110 logħbiet, 7 gowls u 6 assists mal-Bianconeri. Għalkemm fiż-żmien li għamel ma’ Juventus ta sehmu sewwa, fl-aħħar snin bejn minħabba injuries u anki minħabba ċerta mġiba, nemmen li kien wasal iż-żmien li jitlaq. Ma nemminx li t-tluq tiegħu ser idgħajjef b’xi mod id-difiża ta’ Juventus.

Cuadrado:
Plejer li fl-opinjoni tiegħi se jinħass, anki jekk Juventus ħasbu sewwa sabiex jimlew dan il-vojt. Minkejja li xtaq jibqa’ ma’ Juventus, ftit seta’ kien hemm tama li Conte (li riedu b’saħħa meta kien ma’ Juventus) kien se jċedih issa li sar kowċ ta’ Chelsea. Huwa lagħab 40 logħba mal-Bianconeri, skurja 5 gowls u ta 8 assists.

Morata: Kulħadd baqa’ jittama sal-aħħar li Real Madrid ma jeżerċitawx ir-recompra u l-attakkant Spanjol jibqa’ ma’ Juventus, biss dan l-aħħar ħareġ ċar li minkejja li Morata kien jidher kuntent Turin u għandu rispett kbir lejn il-flokk ta’ Juventus, huwa mar lura fejn kienet qalbu. Ta’ dan Juventus tħallsu 30 miljun ewro. Nemmen li bl-akkwist ta’ Higuaín, Juventus xorta tejbu l-attakk tagħhom wara t-tluq tiegħu anki minħabba li s-sena l-oħra kien pjuttost inkonsistenti. Fi 93 logħba ma’ Juventus huwa skurja 27 gowl u ta 19-il assist.

Padoin:
Bħala valur fil-grawnd forsi qatt ma’ kien plejer kbir u ta’ livell ta’ Juventus, imma dan patta għalih bid-dedikazzjoni li wera lejn il-flokk u s-sapporters u minħabba dan il-fatt in-nuqqas tiegħu se jinħass. Il-Pado lagħab 106 darbiet ma’ Juventus, skurja 3 gowls u ta 5 assists.

Pogba: Kien hemm minna li baqgħu jittamaw sal-aħħar li t-trasferiment tiegħu għal ma’ Manchester United ma jseħħx iżda jidher ċar li il Polpo flimkien mal-aġent tiegħu Raiola kienu ilhom li ddeċidew x’se jagħmlu. L-ikbar dispjaċir fl-opinjoni tiegħi huwa li dan il-plejer tkellem kif tkellem meta ġie ppreżentat bil-flokk tar-Red Devils, kliem li naħseb wera nuqqas ta’ rispett kbir lejn it-tim li ġabru, għallmu, ivvalorizzah u tellgħu fl-ogħla livell. Nemmen illi minkejja l-abbiltajiet eċċellenti tiegħu, mhuwiex se jinħass daqs kemm hemm min qed jibża’. Wara kollox, Juventus daħħlu ’l fuq minn 78 miljun ewro tiegħu u din mhijiex xi ċifra żgħira minkejja li għad hawn min qed jikkritika d-diriġenza li tant paxxiet lilna s-sapporters f’dawn l-aħħar snin. Fl-4 snin li għamel ma’ Juventus huwa lagħab 178 darba, skurja 34 gowl u ta 43 assist.

Apparti dawn telqu wkoll Martinez (free transfer), Pires, Buchel, Fiorillo, Magnusson, Isla u Coman (li se jkun riskattat minn Bayern München għal 21 miljun ewro) li bil-bejgħ komplessiv tagħhom Juventus daħħlu s-somma ta’ 31.2 miljun ewro.

X’jonqos?

Filwaqt illi nemmen li b’mod kumplessiv Juventus issaħħew sewwa fejn tidħol skwadra, nemmen ukoll illi għad jonqos akkwist jew tnjen xi jsiru. Dan ġie kkonfermat anki minn Allegri ftit tal-jiem ilu. Minkejja l-akkwist ta’ Pjanić u l-valur indiskuss ta’ plejers bħal Marchisio, Khedira u anki Asamoah, nemmen li hemm bżonn ta’ midfielder ieħor ta’ kwalità għolja, b’mod speċjali minħabba l-fatt li Marchisio mhux se jidħol lura qabel nofs Ottubru u kemm Khedira kif ukoll Asamoah huma plejers li jweġġgħu spiss.

Nemmen iżda li l-akkwist li għandu jsir irid ikun wieħed ta’ stoffa. Jekk dan isir (u Paratici ftit ilu kkonferma din l-intenzjoni tant li qal li diġà huwa lest u mhuwiex fost dawk l-ismijiet li qed jissemmew) nemmen li akkwist wieħed fil-midfield ikun biżejjed.

Fl-opinjoni tiegħi Pereyra m’għandux jinbiegħ u l-uniku membru tal-midfield li Juventus għandhom ibigħu huwa Hernanes iżda ftit hemm ċans li jibqa’ tal-ewwel.
Jidher ukoll li Zaza ser iħalli lil Juventus. Plejer li skurja gowls deċiżivi imma qatt ma kien deċiżiv meta ngħata ċ-ċans li jibda l-partita. Nemmen ukoll illi qatt ma kien verament għal qalbu ma’ Juventus. Jekk jitneħħa Zaza nemmen li huwa obbligatorju għal Juventus jakkwistaw attakkant ieħor.

Kif għidna fil-bidu, baqa’ biss ħmistax ta’ dik li hi s-saga ta’ kull sajf. Nemmen li Juventus għad baqgħalhom jagħmlu żewġ akkwisti u nemmen ukoll li dawn diġà kważi lesti. Nistennew u naraw, sadattant min jaf hijiex is-sena t-tajba għat-triplete? Jien nemmen li tista’ tkun.