Matul il-ġurnata tat-Tnejn kien qed jissemma li Juventus se jniedu inizjattiva ġdida. Iktar tard ġiet żvelata arma ġdida tal-klabb minn numru ta’ ġurnalisti Taljani. Sa dak il-ħin ittamajt li din ma kinitx vera. Malli kienet konfermata, nammetti li bqajt ixxukkjat.

Imma meta wieħed jitkellem ma’ nies esperti fil-qasam tal-branding tal-kumpaniji jibda jifhem aħjar il-ħsieb li hemm wara din il-bidla radikali.

Juventus antiċipat lill-klabbs tal-futbol l-oħra kollha

M’hemmx dubju li llumil-ġurnata kull klabb tal-futbol madwar id-dinja nfetaħ iżjed għal opportunitajiet oħra. Dan jidher biċ-ċar fl-għażla ta’ ħafna klabbs li jilagħbu logħob ta’ ħbiberija, turnej jew inkella jorganizzaw it-taħriġ tagħhom fl-Ażja, fejn hemm suq ġdid li għadu qed jiġi skopert, b’potenzjal ta’ biljuni fi dħul ġdid.

B’dan f’moħħhom, Juventus qed iħarsu mhux biss lejn il-ftit miljuni ta’ partitarji, imma lejn id-dinja globali. Fl-aħħar mill-aħħar Juventin se jibqa’ jżomm mal-klabb, bl-arma antika jew dik ġdida. Għall-kuntrarju, madwar id-dinja hawn 7 biljun persuna, li ħafna minnhom ma jinteressahom xejn mill-futbol, u fil-maġġoranza bilkemm jafu li Juventus jeżistu.

Iżda żgur li ħafna jafu b’kumpaniji ferm ikbar, bħal McDonald’s, Nike u Adidas, li l-logo tagħhom hu sempliċi (bħall-arma l-ġdida ta’ Juventus) u jintgħaraf immedjatament malli wieħed iħares lejh. Hu proprju dan li qed jaraw Juventus, li joħolqu kumpanija internazzjonali, u mhux biss klabb tal-futbol.

B’dan f’moħħhom, Juventus qed jaraw kif l-ittra J tista’ ssir simbolu daqs dawn il-kumpaniji, b’merchandising li hu iktar preżentabbli u pulit.

Fuq kollox, l-arma l-ġdida se tiftaħ suq enormi, speċjalment ta’ nisa u tfal li minn Juventus ma tantx jinteressahom, imma xorta waħda jixtru l-merchandising bl-ittra J. Arma, li jekk kollox imur kif ippjanat, tista’ ssir simbolu rikonoxxut fil-kontinenti kollha tad-dinja.

Dan hu rifless ukoll fit-tneħħija tas-simboli kollha tal-Italja u Turin mill-arma ta’ Juventus, inkluż il-barri, li ħafna Juventini lanqas biss jafu għalxiex kien hemm.

Pjan li ilu snin jinħema

Mal-bidu tat-tmexxija tal-familja Agnelli fit-tmun ta’ Juventus, bdiet rivoluzzjoni li wasslet biex il-klabb mill-ġdid sab saqajh finanzjarjament, u llum il-ġurnata sar qawwa fl-Italja.

Statistika riċenti turi kif sa mill-2010, fis-swieq tat-trasferimenti Juventus nefqu €464.4 miljun (minn €633.4 miljun) fuq plejers mingħand klabbs Taljani. Dan bil-konsegwenza li Juventus mhux biss qed jissaħħu, imma qed isaħħu wkoll klabbs Taljani oħra.

Fost l-ewwel deċiżjonijiet li ttieħdu kien hemm il-proġett tal-Juventus Stadium. B’investiment ta’ iktar minn €155 miljun, Juventus saru l-ewwel klabb bi stadium tal-proprjetà tagħhom, waqt li bdew jirċievu xmara ta’ flus kostanti u garantita. Kien jingħad li l-isem se jinbiegħ lil xi kumpanija, bħalma għamlu klabbs oħra, biex Juventus jirċievu somma flus. Dan qatt ma seħħ.

Kien hemm imbagħad il-ftehim ma’ Adidas, li jingħad li huma wkoll għamlu pressjoni biex il-midfielder Paul Pogba jħalli lil Juventus u jingħaqad ma’ Manchester United. Dan għaliex mal-klabb il-ġdid tiegħu qed igawdu Adidas ukoll, bi dħul enormi mid-drittijiet fuq l-immaġni tiegħu. Għall-kuntrarju, meta Juventus iffirmaw il-ftehim ma’ Adidas, żammew id-drittijiet tal-merchandising, li jfisser li d-dħul kollu jmur għand Juventus.

Il-familja Agnelli mbagħad imxiet għall-proġett li għandu jbiddel iż-żona tal-Continassa fl-hekk imsejjaħ J Village. B’investiment ta’ madwar €100 miljun, u wara li ġiet trasferita s-sede ta’ JTV, bdiet il-ħidma fil-Jmedical. Juventus se jibnu l-Juventus Training Center b’żona ta’ taħriġ li tinkludi żona ta’ 33,000 metru kwadru ta’ grawnds għat-taħriġ b’ħaxix naturali, biż-żona li se tintuża wkoll bħala l-grawnd użat mill-Primavera fil-kampjonat.

Wara t-tlestija taċ-ċentru tat-taħriġ ikun imiss it-trasferiment tas-sede ta’ Juventus, kif ukoll lukanda b’4 stilel, skola internazzjonali u kumpless bi strutturi għad-divertiment (kemm ġonna, kif ukoll ristoranti u stabbilimenti kummerċjali).

Dan kollu hu l-pass li jmiss għal Juventus. Bil-proġett li hu ppjanat li jitlesta sas-sajf li ġej, u bl-arma, u l-branding, il-ġdida ta’ Juventus tidħol fis-seħħ fl-istess żmien, il-klabb se jniedi katina ta’ lukandi fuq livell internazzjonali.

Bħal kull inizjattiva oħra (J TV, J Stadium, J Medical, J Training Center, eċċ.), il-lukandi se jingħataw l-isem ta’ J Hotel bl-għan li ma jkunux sfaċċatament assoċjati ma’ Juventus, u jrabbu isem ta’ livell għoli u ta’ kwalità li wieħed faċilment jirrikonoxxi.

Dan kollu kien mixja f’direzzjoni waħda – li Juventus issir iżjed brand internazzjonali milli klabb, bit-tama tkun li d-dħul ferm ogħla finalment jissarraf fis-suq tat-trasferimenti, u iktar rebħ.

Ma kienx hemm triq oħra

Għalkemm Juventus huma uniċi u pijunieri fix-xena tal-futbol Taljan, ix-xejra fix-xena internazzjonali hi ferm differenti. Ir-relegazzjoni għas-Serie B kienet daqqa ta’ ħarta li s-soċjetà bdiet tirkupra minnha, Juventus għadhom ferm lura f’ħafna aspetti meta mqabbel ma’ klabbs ewlenin oħra fl-Ewropa.

Jekk wieħed iħares lejn il-bejgħ tal-flokkijiet bejn l-2011/12 u l-2015/16, Manchester United (1,750,000 flokk mibjugħ), Real Madrid (1,650,000 flokk mibjugħ), Barcelona (1,278,000 flokk mibjugħ) u Bayern München (1,200,000 flokk mibjugħ) jiddominaw.

Għall-kuntrarju, Juventus jinsabu fid-9 post tal-klassifika tan-numru ta’ flokkijiet mibjugħa, b’452,000 flokk mibjugħ. Din iċ-ċifra hi kwart ta’ dak li rnexxielhom ibigħu Manchester United, li ċ-ċifri tagħhom mistennija jiżdiedu sew mill-ġdid.

U filwaqt li Juventus qed jaħdmu fuq il-J Village, klabbs bħal Real Madrid ilhom snin twal igawdu minn dan il-benefiċċju. Tant hu hekk li Real Madrid għal xi żmien saħansitra kienu qed jaħsbu li jibnu mhux villaġġ, imma gżira sħiħa (proġett li falla minħabba nuqqas ta’ finanzjament mill-investituri li ħarġu bl-idea).

Skont Deloitte, Juventus jinsabu ferm lura anke jekk wieħed iħares lejn id-dħul tal-klabb. Fl-2014/15, Real Madrid kienu jiddominaw din il-klassifika bi dħul ta’ €577 miljun, u jsegwuhom Barcelona (€560.8 miljun), Manchester United (€519.5 miljun), PSG (€480.8 miljun) u Bayern München (€474 miljun). F’din il-klassifika, Juventus jinsabu fl-għaxar post bi dħul ta’ €323.9 miljun matul dik is-sena finanzjarja.

Hu evidenti għalhekk li, jekk wieħed irid jikkompeti ma’ dawn il-klabbs fuq livell Ewropew, ma kienx hemm triq oħra ħlief li Juventus issir brand u mhux iżjed esklussivament soċjetà tal-futbol.

Fid-dawl li l-klabbs ewlenin imsemmija diġà ħadu f’idejhom is-swieq ewlenin u emerġenti bħala klabbs tal-futbol, Juventus riedu xi ħaġa innovattiva li twassal għal introjtu ġdid u qawwi fl-istess waqt li ma tikkompetix direttament (b’sempliċi bejgħ ta’ flokkijiet tal-futbol) mal-klabbs l-oħra.

Mhux ta’ b’xejn għalhekk li Juventus fl-aħħar xhur kienu qed jużaw ukoll il-motto “first never follows,” waqt li nidew din l-inizjattivi fil-mużew iddedikat għat-teknoloġija u l-innovazzjoni.

Bidla radikali imma b’rispett għall-istorja

Minkejja li ħafna qed jgħidu li t-tneħħija tal-arma ma tirrispettax l-istorja tal-klabb, u saret biss biex kif spjegajt ikun hemm dħul ferm ikbar għas-soċjetà, dan mhux minnu. Għalkemm mhux b’mod sfaċċat, hemm ħafna ħsieb biex l-istorja u l-arma ġdida jikkumplimentaw lil xulxin.

Jekk wieħed imur lura fis-snin, isib li din mhix l-ewwel darba li Juventus kellhom flokk mingħajr stemma. Ġrat fl-1941/42 fejn Juventus kellhom arma simili għal dik li se tkun implimentata minn Lulju li ġej. Ġara iżda li l-istaġun ta’ wara, din l-arma tneħħiet għaliex ma ntgħoġbotx, u ntużat biss mill-goalkeepers.

Ftit huma dawk li jiftakru xi plejer ta’ dik l-iskwadra. Imma żgur li ħafna, u bla dubju dawk li żaru l-J Museum, mill-ewwel ftakru fi kliem Gianni Agnelli: “Meta naqra xi ġurnal, sew jekk hu dwar l-ekonomija jew dwar l-isport, mingħajr ma rrid għajnejja jmorru fuq il-J ta’ Juventus, qalbi tifraħ u nħoss emozzjoni kbira. Nemozzjona ruħi anke sempliċiment meta nara l-ittra J f’titlu tal-ġurnali. Mill-ewwel naħseb f’Juventus.”

Jekk id-deċiżjoni tas-soċjetà hi waħda tajba jew le diffiċli ngħidu minn issa. Jekk il-pjan iseħħ u Juventus jirreġistraw żieda qawwija fid-dħul, allura jkun wasal iż-żmien li nieqfu niddependu fuq il-fortuna u verament nikkompetu mal-aqwa klabbs, inkluż fuq il-karta.

It-tama ta’ kull Juventin tibqa’ li d-dħul tas-soċjetà jirrifletti f’ħidma għalija fis-swieq tat-trasferimenti għas-snin li ġejjin. #AlwaysJ