Immaġina kif tiftaħ għajnejk filgħodu xi ħadd jiġi jgħajjat ġo wiċċek u jgħajrek. Immaġina kif tilbes il-papoċċ int u ħiereġ mis-sodda tisma’ fuq ir-radju li inti inutli. Imbagħad kif tidħol fil-kċina raġel jarma jgħajjat mit-tieqa li inti parassita. Fi triqtek għax-xogħol, waqt ix-xogħol, u anke wara, kulħadd iwaqqgħek għaċ-ċajt, jgħid li inti piż, li jmissek tistħi, li tajjeb biss biex toqgħod id-dar. U dawn l-adulti, biex ma nsemmux iż-żgħar li jikkupjaw lill-kbar, inkluż ġurnalisti, jagħmlu agħar minnhom. Xi darba jew oħra żgur taqbiżlek, mhux hekk? Probabbilment tiġi fl-idejn apparti t-tgħajjir.

Dik hi l-ħajja ta’ Stefano Sturaro, kritikat minn kulħadd fuq Facebook, Twitter, televixin, gazzetti, u kullimkien, anke bil-fax u ħamiem. Kritikat minn ġurnalisti, inkredibbilment minn sapporters ta’ Juventus stess, kif ukoll minn dawk ta’ kontra.

Kien involut fi storja ftit tal-jiem ilu meta kellu xi jgħid ma’ tifel ta’ 12-il sena fuq il-midja soċjali. Kulħadd ikkritikah, qal li żbalja, ġibna lit-tifel u lill-ġenituri fuq it-televixin b’dik id-daħka vittimizzanti, u ġiegħluh jiskuża ruħu.

Tafu xiex? Jien naqbel u nżomm miegħu. Ma kellux jiskuża ruħu. Għamel sew. Anzi, it-tifel u l-ġenituri kellhom jiskużaw ruħhom miegħu pubblikament talli rabbew tifel hekk u offendieh. It-tifel ma tgħallem xejn ħlief li jista’ jerġa’ jagħmilha, apparti li qed nagħtu l-arja lil bullies u trolls oħra. Dan x’eżempju hu?! Li jaqla’ ċertu ammont ta’ flus u li mhux l-ewwel, jew it-tieni, jew it-tielet għażla fil-midfield, ma jiġġustifika l-ebda tgħajjira. Dan bniedem tad-demm u l-laħam ukoll.

Insew il-kuluri, seta’ kien min kien. Dan att kodard. Kulħadd jaf jaħbi wiċċu u jgħajjar, jew jgħajjar minn wara skrin eluf ta’ kilometri ’l bogħod. Mhux jikkritika! Jgħajjar! Mhux darba jew tnejn li forsi tinħafer, imma kontinwament. Plejer li lagħab kullimkien u dejjem jobżoq id-demm, inkluż mal-Italja fejn weġġa’ serjament u xorta kompla jilgħab ħalli ma jħallix it-tim b’10 min-nies.

Kif naraha jien, jew ħadd ma jgħajjar lil ħadd, jew nagħtu permess lill-plejers iwieġbu lura u nagħmlu setta. Naħseb aħjar tal-ewwel, anke bi spirtu Natalizju.

Tixtieq li r-riklam tiegħek jidher fuq kull artiklu ta’ dan is-sit, kif ukoll fuq il-pjattaformi kollha tal-klabb? Tista’ tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor jew titlob iżjed informazzjoni billi tagħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280