Fil-partitissima tal-ġimgħa fil-kalendarju tas-Serie A, Juventus affrontaw lil Inter ġewwa l-Juventus Stadium. It-tim immexxi mill-kowċ Massimiliano Allegri beda bil-formazzjoni ta’ 4-2-3-1. Buffon bejn il-lasta, l-erba’ difensuri kienu Lichtsteiner u Alex Sandro mal-faxex u l-koppja ċentrali kienet iffurmata minn Bonucci u Chiellini. Quddiem id-difiża kien hemm Sami Khedira u Miralem Pjanić. It-tlieta ta’ quddiemhom kienu Juan Cuadrado, Paolo Dybala u l-Kroat Mario Mandžukić filwaqt li l-attakkant prinċipali kien Gonzalo Higuaín.
It-tim immexxi minn Stefano Pioli rrisponda bil-formazzjoni ta’ 3-4-2-1. Handanović bejn il-lasti, it-tlieta ta’ wara kienu Miranda, Medel u Murillo, l-erbgħa fil-midfield kienu Candreva, Brozović, Gagliardini u D’Ambrosio. It-tliet plejers fl-attakk kienu Ivan Perišić u Joao Mario u quddiemhom Icardi.
Juventus ħargu mill-ewwel bil-ħsieb li jiftħu l-iskor kmieni. Infatti fit-tieni minuta marru viċin ħafna li jiskurjaw l-ewwel gowl tal-logħba. Mario Mandžukić irċieva kross fejn bi bravura waqqa’ l-ballun lil Paolo Dybala li b’xutt mill-ewwel b’mossa akrobatika ġiegħel lil Handanović iwettaq save kruċjali fil-bidu tal-partita. Fis-6 minuta waslet l-ewwel ammonizzjoni tal-partita meta Candreva ffawlja lil Dybala.
Fil-11-il minuta Juventus reġgħu resqu viċin li jiftħu l-iskor meta reġa’ kien Dybala li b’xutt mill-ewwel bid-dawra minn barra l-kaxxa, il-ballun ħabat mal-mimduda b’Handanović megħlub.
Fit-18-il minuta waslet l-ewwel azzjoni ta’ Inter meta minn azzjoni ta’ corner inqalgħet taħwida fil-kaxxa ta’ Juventus, il-ballun waqa’ għand Gagliardini li b’xutt mill-ewwel tefa’ l-ballun barra. Erba’minuti wara, Inter resqu viċin ħafna li jiftħu l-iskor meta Joao Mario, b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa għadda jħakkek mal-lasta l-wieqfa ta’ Buffon. Fis-27 minuta kien imiss lil Juan Cuadrado li ttanta xortih b’xutt iżda l-ballun mar barra mingħajr problemi ghal Handanović.
Minuta wara, f’kontrattakk għat-tim ta’ Inter, Ivan Perišić tefa’ kross insidjuż fil-kaxxa li sab lil Gagliardini li b’daqqa ta’ ras mill-ewwel kienet ċentrali u Buffon salva tajjeb. Man-nofs siegħa logħob kross mix-xellug ta’ Alex Sandro l-ballun wasal għand Higuaín li b’xutt daqsxejn fjakk tefa’ l-ballun barra. Fis-36 minuta f’attakk ieħor għat-tim ta’ Inter, kross ta’ Joao Mario sab lil Perišić li b’daqqa ta’ ras sab lil Buffon li salva tajjeb mingħajr problemi.
Żewġ minuti wara, Juan Cuadrado avvanza tajjeb mal-linja leminija li bi kross perikoluż u pinġut fuq Mario Mandžukić fejn id-daqqa ta’ ras tiegħu baqgħet sejra barra. Minuta wara, Perišić ippassja lejn l-kaxxa l-kbira ta’ Juventus fejn Icardi ħarab lil Chiellini iżda x-xutt tiegħu għadda ftit barra.
Fl-44 minuta Juventus ingħataw foul wara li Alex Sandro twaqqa’ minn Gagliardini fit-tarf tal-kaxxa l-kbira. Mill-freekick inkariga ruħu s-solitu Miralem Pjanić li pienġa l-ballun fl-anglu tal-lemin ta’ Handanović iżda l-goalkeeper Sloven laqa’ l-ballun bl-għajnuna tal-minduda.
Din l-azzjoni kienet il-preludju għall-vantaġġ ta’ Juventus. Pjanić inkariga ruħu minn corner fejn dendel il-ballun fil-kaxxa ta’ Inter, id-difensuri kklirjaw il-ballun li wasal għand Cuadrado li b’xutt bomba minn 24.45 metru bogħod għeleb għall-ewwel darba fil-partita lil Handanović bil-Juventus Stadium f’dellirju ta’ ferħ. L-ewwel taqsima kienet bilanċjata ħafna bil-ballun tiela’ u nieżel u azzjonijiet fuq kull naħa. Il-plejers daħlu jistrieħu bl-iskor ta’ 1-0 favur Juventus.
Fit-tieni taqsima r-ritmu tal-logħba baqa’ l-istess. L-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet fit-53 minuta meta Higuaín għadda pass tajjeb lil Miralem Pjanić li b’xutt mill-ewwel mar viċin li jirdoppja iżda Handanović salva tajjeb. Fis-57 minuta, il-kowċ ta’ Inter Pioli wettaq sostituzzjoni doppja meta Brozović u Candreva ħallew il-pitch biex flokhom daħlu Kondogbia u Eder.
Fis-67 minuta Icardi ttanta xortih b’xutt li falla l-mira totalment. Fis-70 minuta waslet l-ewwel sostituzzjoni għal Juventus meta l-awtur tal-unika gowl tal-partita, Juan Cuadrado, ħalla l-grawnd biex jidħol minfloku l-principino Claudio Marchisio. Fis-77 minuta Juventus reġgħu kienu perikolużi meta Dybala għadda tajjeb lill-kompatrijott tiegħu Gonzalo Higuaín li b’xutt daqsxejn angolat sab għal darb’oħra lil Handanović li salva tajjeb.
Fit-78 minuta Pioli wettaq l-aħħar sostituzzjoni tiegħu meta Rodrigo Palacio daħal flok il-Portugiż Joao Mario. Żewg minuti wara kien jerġa’ jmiss lil Juventus biex iwettqu sostituzzjoni meta Dani Alves, li rritorna fil-grawnd wara nuqqas ta’ ftit xhur minħabba injury, ħa post Lichtsteiner. Fit-82 minuta kien imiss lil Murillo li pprova b’xutt li mar żmerċ għall-aħħar.
Fl-84 minuta Allegri wettaq l-aħħar sostituzzjoni meta Paolo Dybala ħalla l-pitch fost ovazzjoni kbira mill-partitarji Juventini u postu ħadu Daniele Rugani. L-aħħar azzjoni perikoluża tal-logħba waslet minn Juventus meta minn kross mix-xellug tal-internazzjonali Ġermaniż Khedira, b’daqqa ta’ ras ‘bullet’ ta’ Mandžukić, Handanović salva u tefa’ l-ballun f’korner. Fl-aħħar minuta kien hemm tkeċċija għall-Kroat Ivan Perišić wara xi rimarki li għadda lejn ir-referee Rizzoli.
Il-partita ntemmet bl-iskor ta’ 1-0 favur Juventus fejn komplew ikabbru l-vantaġġ fuq l-eqreb rivali Napoli u Roma. Issa l-partita li jmiss għal Juventus hija nhar l-Erbgħa li ġej away kontra Crotone.
SALUTATE LA CAPOLISTA!
Ħalli Kumment