“Dak Juventin kbir… Iffissat fuq il-Juve!”

Kemm-il darba smajnieha, kemm-il darba ngħiduha. Imma kif tkun Juventin kbir? Xi tfisser? Hawn Juventin li huwa ikbar minn Juventin ieħor? Ma nafx inwieġeb, u probabbli ma hemmx mezz kif tkejjel u tiġġudika, filwaqt li kulħadd għandu l-opinjoni tiegħu. Però jien spiss naħseb fuqha, speċjalment meta nidħol ta’ kuljum insegwi xi jkun qed jinkiteb fuq il-paġna tal-“Club Cuore Bianconero” fuq Facebook u naqra l-kummenti. Ħassejt li jkun ideali li fl-ewwel artiklu tiegħi nibda billi nikteb fuq hekk; “La Juventinità” tagħna lkoll.

Li hu żgur huwa li hawn ħafna Juventini (bħal kull partitarju ieħor li jħobb il-futbol) li jsegwu l-partita b’mod differenti minn ħaddieħor. Il-partita ta’ ġimgħa ilu kontra l-Bayern Munich, li kienet mimlija emozzjonijiet, mort rajtha għand ħabib tiegħi. Dan iżda jsegwi l-logħob tal-Juventus b’mod kompletament differenti minni. Dan sieħbi huwa wieħed li l-emozzjonijiet tiegħu joħroġhom; jgħajjat, jiddispra, jitkellem waħdu, xi kultant mal-għajta ta’ xi gowl iqajjem lill-mara li tkun rieqda xi żewġt ikmamar ’il bogħod, jekk mhux lill-ġirien kollha! Jien, li kont nofs metru ’l bogħod minnu fuq is-sufan, kont mimli tensjoni wkoll, imma nżomm kollox ġo fija. Bqajt bla reazzjoni, “impassibile”, ma ċċaqlaqtx mal-ewwel gowl li qlajna. “Freddo” anki mat-tieni gowl. Sabbatt waħda biss, bil-ferħ (tad-disperazzjoni), mal-gowl tad-dro! Fl-aħħar minuti ma ssapportejtx u qomt indur u nippassiġġa qisni iblah bil-partita għaddejja quddiemi. Fl-aħħar, kważi kuntenti bid-dro u mingħajr kliem, kemm sellimna ’l xulxin qisna miġġildin, u mort lura lejn dari. Soqt lura mimli ħsibijiet, nirrifletti fuq il-partita, bħallikieku jiena Massimiliano Allegri u li nista’ minn hawn nagħmel jew inbiddel xi ħaga.

U dawn l-emozzjonijiet ngħixhom kważi f’kull partita. Personalment dan l-aħħar iktar fil-logħob taċ-Champions League, it-tazza li noħlom biha iktar, milli fil-kampjonat. Hemm oħrajn li jippreferu jaraw partita ma’ sħabhom Juventini u oħrajn fil-klabb fl-Imrieħel. Ġieli għamiltha u fiha wkoll ferħ indeskrivibbli. Imma jekk jogħġbok, tmaqdarx tim kollu meta jkun minn taħt, imbagħad tgħollih mas-sema meta jkun rebaħ; kif hawn ħafna li ninzerta. “Da bidoni a campioni”. Bħal min imaqdar f’xi post jew status, imbagħad ikollu jibla’ kliemu xi taqsima wara għax it-team ikun akkwista rebħa. Agħti l-opinjoni, mela le, imma sib bilanċ. Għalkemm wara kollox, anki dawk huma Juventini, daqsi u daqsek li qed taqra. Jafu jesprimu biss ruħhom hekk. Hemm oħrajn li qatt ma ġew il-klabb, għax jippreferu s-sufan u l-kwiet tad-dar. Hemm min qatt ma daħal fl-Istadium, imma xorta għalih il-Juventus huma l-mimmi t’għajnejh. Hemm min jieħu l-leave jew ipartatha kull darba li jilagħbu l-Juve. Hemm min jara l-logħba fuq it-tablet jew bil-Livescore għax ma jistax jagħmel mod ieħor. Hemm min kull sena jixtri t-tliet gerijiet uffiċjali meta joħorġu f’Awwissu, oħrajn li forsi m’għandhomx flokk wieħed oriġinali. Hemm min iżjed ma jaħmilx lill-Inter, oħrajn lill-Milan jew Napoli, u oħrajn “Amici di nessuno”. Hemm min jgħidlek “jien Juventin/a ta”…imma għadu mingħalih li Del Piero għadu jilgħab fl-attakk jew li l-gowlkiper huwa Peruzzi (jekk mhux Tacconi…). Oħrajn li forsi jsegwu biss il-Juve għax ir-raġel jew il-mara huma Juventini u għalhekk il-Ħadd waranofsinhar, frott l-imħabba, addio piknik il-Buskett. Jew fil-posticipo tal-Ħadd filgħaxija meta hemm il-Juve jilagħbu, m’għandhomx għażla; flok Becky jkollhom jaraw bilfors lill-Juve. U jitolbu li jirbħu għax jekk le r-raġel jidħol fis-sodda bid-dwejjaq.

U nista’ nibqa’ għaddej. Kulħadd jesprimi l-imħabba tiegħu lejn dan it-tim tagħna bil-modi diversi tiegħu. L-importanti li nirrispettaw lil kulħadd, għax fuq kollox aħna kollha familja waħda kbira Juventina.

PS: Forsi fil-verita’ kien hawn Juventin li huwa ikbar minn oħrajn: l-Avvocato Gianni Agnelli. U li probabbli kollha kemm aħna naqblu miegħu, u nemozzjonaw ruħna wkoll waqt li niftakru fil-Juventus, kull meta naqraw u niltaqgħu mall-ittra J.

“Mi emoziono persino quando leggo sul giornale la lettera J in qualche titolo” – Gianni Agnelli.

Gianni Agnelli