L-Inter tawna Lezzjoni bl-ittra ‘L’ kapitali. Bonucci ma nħebiex wara sebgħu u fl-intervista ta’ wara l-logħba qal li kienet l-agħar logħba kemm ilu hu mal-Juventus. Lanqas Lichtsteiner ma qagħad jiddejjaq jgħid il-verità. Fuq Facebook kiteb li ġiethom tajba, anzi tajba ħafna u li ħa sservihom ta’ lezzjoni biex qatt ma jeħduha bil-mod.
Il-ġurnalist u sapporter kbir tal-Juventus, Claudio Zuliani, ukoll ikkritika l-prestazzjoni tat-tim.
It-tliet persuni hawn fuq imsemmija użaw ewfemiżmi varji biex jiddiskrivu l-prestazzjoni.
Jien le. Kienet wirja fqira esaġerata. Tant kienet fqira li għal ftit ma bagħtux ittra tas-sigurtà soċjali biex ituhom manteniment fix-xahar. Kieku ġew il-Ghostbusters kienu jagħmlu festa. Pac Man biss kien jonqos u kienet tkun logħba Pac Man. Insalva biss lil Zaza u Bonucci u fil-ftit li daħal Barzagli.
L-Inter tawna lezzjoni mhux kif jintlagħab il-futbol imma, ironikament, fil-motto ‘Fino alla fine’. Ftit nies basru li ħa jinżlu qishom iljuni u l-Juventus in-nagħaġ. Kiluna u fuq 90 minuta kien ħaqqhom jgħaddu. Ma qatgħu qalbhom qatt filwaqt li l-Juventus ħaduha wisq bil-mod. Għamluha fatta li għaddew u għal naqra ma spiċċawx ‘il barra bil-bieb imsabbat f’wiċċhom u qatgħa enormi bil-cocktail li bdew jixorbu f’idhom u bil-karkur tal-baħar f’saqajhom.
Le, mhux l-aqwa li wasalna fil-finali. “L-aqwa li għaddejna, anke b’gowl tal-ballboy wara li ħabat mar-referi u m’għasfur mitluf” tużaha biss kontra tim li hu superjuri. Kontra l-Bayern Munich pereżempju. Ma tużahiex kontra tim li hu agħar minnek. Li fi staġun bilkemm ixxuttja fil-lasta u għax inti ddeċidejt tibqa’ fuq il-kowċ tisma’ d-diski taqla’ tlieta lanqas taf kif.
Kif għidt fl-artiklu ta’ qabel dan, ħa jkun diffiċli li ma jiżbaljawx logħba sal-aħħar tal-istaġun. Bilkemm laħaq tela’ fuq il-websajt li ma żbaljawx logħba b’mod diżastruż. Nisperaw li l-logħba żbaljata kienet din u issa daqshekk. Fiuuuuuuuu enormi u nimxu ‘l quddiem.
Mill-partita tal-bieraħ għandhom jinħasdu żewġ lezzjonijiet:
* Li qatt m’għandek taqta’ qalbek u dejjem tinżel biex tirbaħ.
* “Don’t say cat if you don’t have it in the sack (sic)” – iċ-ċelebri frażi ta’ Trapattoni. Tinżilx kontra l-Empoli, kontra l-Bayern jew kontra Ħal Ferħ, qatt m’għandek tgħid li hi fatta u dejjem tilgħab b’attenzjoni u tagħmel l-almu tiegħek.
Ħalli Kumment