Iktar kmieni dan ix-xahar, konna sorpriżi ħafna bl-ideat ġodda li Juventus ħarġu bihom, ideat li għandhom ikunu ta’ investiment essenzjali, anke minħabba l-fatt li din ħa taffettwa l-marketing Juventin madwar id-dinja kollha u ħa tolqot lil kulħadd.
Il-partitarji kollha Juventini qed jistennew din il-bidla, anke jekk forsi mhux kulħadd qabel magħha, speċjalment fejn jidħol il-logo. Ngħid il-verità għall- bidu rajt din il-bidla bħala żball u estetikament ma jdoqqlix. Però iktar ma beda jgħaddi ż-żmien qisni drajtu u sirt nifhem iktar l-iskop wara dan il-logo.
Madankollu, il-bidla lejn futur inovattiv mhux ħa jsir biss fuq livell internazzjonali, imma ħa narawh ukoll fis-suq lokali, hekk kif dalwaqt naraw is-sede l-ġdida ta’ Juventus Club Malta Cuore Bianconero. Ilna nistennew ħafna dan iż-żmien.
Niftakarni npoġġi fil-bar ġewwa Ħ’Attard fil-logħba bejn Novara u Juventus, imbagħad ġewwa l-Estilo r-rebħ tal-kampjonat u l-ġurnata meta rtira Del Piero, niftakar ir-rebħa tas-Super Cup kontra Napoli ġewwa l-Imrieħel, it-telfa fil-finali kontra Barcelona, ir-rebħa kontra Milan fil-Coppa Italia u l-ewwel gowl ta’ Higuaín ma’ Juventus, kollha mal-familja Bianconera ta’ Malta.
Klabb li dejjem ħadem biex il-Juventini jkunu jistgħu jqattgħu l-aqwa ġranet tagħhom ġewwa Turin jew xi titjira meta Juventus jilagħbu barra minn darhom. Sede ġdida, li ħa tkun qed timxi fuq il-passi moderni ta’ Juventus.
Qisha kienet miktuba għalina tal-JCMCB li din il-bidla fil-branding ta’ Juventus kellha ssir fl-istess ftit żmien li ħa jkollna sede ġdida u iktar moderna. Bidla li turi li biex tibqa’ timxi ’l quddiem trid tadatta maż-żminijiet tal-lum. Bidla li titfa’ taħt għajnejha lil kull partitarju Juventin, ġej minn fejn ġej, x’nazzjonalità hu, jekk hux mara jew raġel, jekk hux tifel jew xiħ.
Il-familja Juventina tibqa’ tadatta għal dak li ġej u dak li tagħmilna uniċi minn partitarji oħra fid-dinja kollha. Nemmen li kemm għall-Juventini Maltin u kemm għall-Juventini mid-dinja kollha, il-futur huwa wieħed sostenibbli u għandna nħarsu lejh bi ħġarna.
Minn hawn nixtieq nirringrazzja lill-Kumitat tal-ħidma bla waqfien sabiex jaraw lill-Juventini ta’ Malta jieħdu dak li ħaqqhom!
Forza Juventus!
Ħalli Kumment