minn Gordon Pace

22 ta’ Mejju 1996 – Is-Sala tal-Kappillan, kif jafuha ż-Żabbarin, mifqugħa nies. Ħafna libsin gearijiet tal-Juventus, il-maġġoranza tagħhom foloz, waqt li jsegwu l-partita tas-sena.

Juventus vs Ajax – Finali, Champions League.

Kienu snin fejn il-projectors u l-Big Screens kienu l-massimu tat-teknoloġija. Ma kinitx xi ħaġa rari li tara logħba fuq screen kbir. Imma s-sala tal-Kappillan kellha screen enormi, allura kulħadd intefa’ hemm.

Min jigdem difrejgħ, min jippassiġġa, min jagħti xi parir lill-plejers u min jitlob. Kulħadd b’għajnejh imkaħħla mal-iscreen, meta f’daqqa waħda, qalb dawk il-pixels kollha, Penna Bianca, minn ftit ċentimetri qabel il-linja, jixxuttja x-xutt impossibbli. Qatt ma ninsa lil dak il-ballun miexi lejn il-lasti, waqt li kulħadd qam bilwieqfa, f’xena a la moviola.

“Ravanelli, Ravanelli…attenzione..attenzione….GOL È GOL” għajjat Bruno Longhi.

Nisfidak issib goal li sar daqshekk bil-mod.

Dakinhar kont se mmut. Penna Bianca qasam is-Sala tal-Kappillan u kważi waqqafli qalbi.

Nhar l-Erbgħa kelma waħda se ngħidlu: Grazzi.