Il-ħajja. Kif ngħidu bil-Malti, imżewqa minn kollox. Fiha s-sabiħ, fiha l-ikrah. Fiha l-faċli, fiha d-diffiċli. Fiha l-ħafif, fiha t-tqil.
Pressjoni. Tintuża f’kollox u tinsab kullimkien. F’ġisimna, fuq il-post tax-xogħol, mal-familja u mal-ħbieb. F’kollox. Pero’ f’dan il-każ qed nirreferi għall-pressjoni fid-dinja tal-futbol.
Pressjoni mid-dehra negattiva. Juventus. Kull Juventin isofri minn pressjoni kull ġimgħa. Kull nhar ta’ Sibt jew Ħadd. Filgħaxija jew waranofsinhar. Speċjalment waqt ġlieda għal xi unur, xi tellieqa, rebħ ta’ kampjonat jew kwalifikazzjoni.
Bi pressjoni qed nirreferi għal meta tim fis-Serie A jkun qed jissielet ma’ Juventus għall-ewwel post, jew xi post għoli fil-klassifika, u jilgħab ġurnata qabel Juventus, u jirbaħ. B’Juventus ikun imisshom jilgħabu l-għada, ikunu taħt pressjoni.
Aħna nkunu taħt pressjoni. Pressjoni biex Juventus jirbħu u ma jfallux, biex jibqgħu għaddejjin fit-triq pozittiva, biex ma nagħtu lil ħadd xi jgħid, biex ma npaxxu lil ħadd.
Pressjoni biex fl-aħħar mill-aħħar inkunu qed niċċelebraw xi unur, inkunu fil-glorja. Ikunu 90 minuta fejn matul il-logħba naħsbu x’jista’ jiġri jekk Juventus jitilfu jew jekk Juventus jirbħu.
F’każ li Juventus jitilfu, x’jiġri? Se jibqgħu tim kompetenti? X’se jiġi affettwat? Se jkun hemm ġimgħa iebsa quddiem il-klabb wara d-disfatta?
F’kaz ta’ rebħ, fejn se naslu? Pass importanti? Tarġa iebsa għall-unur li tkun megħluba? Jitqawwew il-qlub b’tamiet ta’ rebħ? Il-pressjoni tonqos?
Jekk int Juventin, taf xi tfisser din il-pressjoni u jista’ jkun ukoll li tagħmel pressjoni fuq ħaddieħor.
Ħalli Kumment