Del Neri jirritorna fis-Serie A mal-Bianconeri… din id-darba ma’ Udinese, tim li qed jissielet wara bidu xejn tajjeb dan l-istaġun… Iżda madwar 6 snin ilu l-istorja kienet simili imma differenti. Dak iż-żmien Del Neri wkoll kien għadu kemm issieħeb mal-Bianconeri, Juventus, u dak iż-żmien ukoll konna tim li qed jissielet. Għaddew sitt snin minn dakinhar u llum Juventus qed jiġu meqjusa bħala tim imbattibbli fl-Italja (għajr f’xi okkażjoni rari bħal kontra Inter) u wieħed mill-aħjar ħames timijiet fl-Ewropa…

Għaxar snin ilu Juventus kienu qed jilagħbu fis-Serie B wara l-ikbar eżempju ta’ inġustizzja sportiva li qatt rat id-dinja tal-futbol. Din tirrappreżenta weġgħa kbira f’qalbna l-Juventini, imma jista’ jagħti l-każ illi din l-istess ġerħa wasslet sabiex Juventus jissaħħu b’mod inkredibbli f’dawn l-aħħar għaxar snin, tant li llum il-kampjonat tas-Serie A jintilef biss minn Juventus jista’ u mhux jintrebaħ minn xi tim rivali.

Għaxar snin li raw lil Juventus jirbħu s-Serie B minkejja tnaqqis konsiderevoli ta’ punti, jiksbu t-tielet u t-tieni post fis-Serie A ma’ Ranieri, jgħaddu minn taħt idejn Zaccheroni, Ferrara (li fl-opinjoni tiegħi ġie fi żmien ħażin) u Del Neri, jispiċċaw darbtejn is-7 post f’żewġ kampjonati konsekuttivi, sakemm bdiet l-era ta’ Conte u Allegri (taħt it-tmexxija ta’ Agnelli) u l-evoluzzjoni lejn il-qawwa kalċistika li għandna llum. Imma x’wassal għal din it-trasformazzjoni, li ngħiduha kif inhi, ma ħaditx xi 20 sena?

Nemmen illi l-esperjenza fis-Serie B ġiegħlet lil Juventus jirrealizzaw li biex tim ikun kapaċi jerġa’ jitla’ fil-quċċata tal-klassifiċi mondjali, irid jgħaddi minn trasformazzjoni totali mill-qiegħ u dik li hi ġerħa f’qalbna lkoll kienet l-aħjar okkażjoni sabiex wieħed ma jħarisx iktar lura imma jibni mill-ġdid sa mill-pedamenti. Il-mertu ta’ dan jaqa’ fuq ħamsa minn nies: Agnelli, Marotta, Paratici, Nedved… u anki Conte (minkejja l-eżitu tal-esperjenza tiegħu magħna li nistqarr ħallietni b’togħma morra minkejja s-suċċessi).

Agnelli analizza s-sitwazzjoni sew u rrealizza illi l-unika ħaġa li wiret mit-tmexxija ta’ qabel u li seta’ jibni fuqha kien l-istadium. Dan kien pass importanti lejn is-suċċessi tal-aħħar snin li kienu konsegwenza ta’ ppjanar għaqli u rifondazzjoni ġenjali. Marotta u Paratici ftit ftit bnew tim illi huwa b’saħħtu daqs dak ta’ Lippi jew Capello.

Naturalment, dan ma sarx mil-lejl għan-nhar iżda wieħed għandu jifhem illi l-baġit li kellhom fil-bidu kien wieħed ferm iktar limitat. Hija inġustizzja enormi ma’ dawn it-tnejn min-nies li wieħed imaqdarhom. Jekk illum Juventus saru jattiraw lejhom plejers bħal Higuaín, Dani Alves, Pjanić u l-bella kumpannija dan huwa essenzjalment mertu tagħhom u s-suċċessi li kisbu f’dawn l-aħħar snin.

Naturalment hawn hu fejn jidħol ukoll Pavel Nedved illi bil-grinta u l-intelliġenza tiegħu ħalla marka u biddel il-mentalità minn waħda li kienet saret provinċjali lura għal mentalità rebbieħa li kellhom Juventus meta hu kien protagonist fil-grawnd. Nemmen ukoll illi minkejja l-mod kif mexa meta telaq, Conte kien il-bniedem ideali biex fi żmien tant kruċjali jerġa’ jpoġġi lil Juventus fit-triq tas-suċċessi bil-mod aggressiv li kien jiġbor fih dan ix-xogħol kollu mis-soċjetà.
Max Allegri.

Meta ħa f’idejh lil Juventus, ftit kienu dawk li emmnu fih. Illum, minkejja żewġ kampjonati, żewġ Coppe Italia, Supercoppa di Lega u finali tac-Champions League, għad hemm min jiddubita mill-kapaċitajiet tiegħu u li għadu jsostni illi s-suċċessi li ġab huma riżultat tat-tim li bena Conte. Din, fl-opinjoni tiegħi, hija inġustizzja enormi. Dan il-bniedem ħa r-riedni tat-tim f’idejh lejlet il-bidu tal-preseason u qatt ma ħares lura. Dan il-bniedem ġab suċċessi u huwa fattur importanti fil-fatt li Juventus komplew fis-suċċessi u komplew jikbru anki fl-istatura internazzjonali.

Fil-logħba li jmiss, Juventus jerġgħu jiltaqgħu ma’ Del Neri b’differenza waħda: illum Juventus huma forza fl-Italja u fl-Ewropa u għalhekk qabel ma wieħed imaqdar lid-diriġenza, lill-kowċ u min jaf lil min iktar, sempliċiment għax ikunu taw wirja inqas tajba mis-soltu, għandu jirrifletti u forsi jirrealizza l-evoluzzjoni sħiħa li din id-diriġenza rnexxielha tagħmel u qiegħda tkompli tagħmel filwaqt illi timmira li tiddomina anki fl-Ewropa.

dical-banner-1200×280