Forsi wieħed mill-plejers li jingħata ftit tifħir logħba wara logħba hemm il-Ġermaniz li ngħaqad ma’ Juventus l-istaġun li għadda, Sami Khedira. Rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja u ħafna iżjed unuri tul il-karriera tiegħu, fosthom il-kampjonat Taljan, is-Supercoppa u l-Coppa Italia ma’ Juventus.

Kwiet tul il-ġirja tal-istaġun però x-xogħol li jagħmel huwa wieħed eċċezzjonali. Jaħdem fis-skiet, jikseb li jrid u jaqsmu ma’ sħabu. Rari deċiżiv, rari protagonist, però dejjem jagħti qalbu ghall-arma Juventina. Jaħdem tul il-ħin kollu li jagħmel fil-grawnd għalkemm ħafna drabi ma jkunx jiflaħ itemm id-disgħin minuta. Raġel umli u l-fair play minnu ma tonqosx.

Beda staġun iehor u Khedira mill-ewwel protagonist. Żewġ logħbiet, żewġ gowls u vvutat darbtejn fost l-aqwa plejers fil-grawnd. Ma ninsewx li ngħaqad ma’ Juventus għas-somma ta’ €0.

Baqgħalna x’naraw mingħandu, baqagħlu ħafna x’joffri. Postu ċert mal-ewwel ħdax. Nistennew lil Pjanić u lil Marchisio jaħdmu miegħu f’nofs il-grawnd.

Sami Khedira, il-magna li taħdem fis-skiet.