Issa li sirna pentacampioni, kif qed jgħidu fuq il-midja soċjali, xtaqt inniżżel il-ħames affarijiet favoriti tiegħi f’dan il-kampjonat, mingħajr ebda ordni partikulari.

1. Il-Gowl ta’ Zaza

Gowl bil-G kbira, li tiswa l-qabża mit-tieni għall-ewwel post. Mingħand plejer li lagħab ftit imma kien determinanti. Niftakar li kelli fejn immur u ma stajtx insegwi l-partita. Tfajt it-3G, għalaqt Facebook u kull websajt possibbli. Waħda biss ħallejt miftuħa, dik li kont se nuża biex nara l-partita rrekordjata. Kelli ngħas jaqsam imma ma kontx ħa niflaħ nissaporti sal-għada bil-kurżità. Xis-1:00 am bdejt naraha, xis-2:20 am kont nongħos. Imbagħad daħal Zaza. “Ejja” għidt bejni u bejn ruħi, “forsi ma tafx kif.” Ma ċemplulix il-pulizija dakinhar il-ġirien, ma jċemplulhom qatt.

2. It-telfa ma’ Hellas Verona

It-telfa fl-aħħar partita ta’ Toni. Il-plejers niżlu rilassati wisq, għadhom ma jarawx sew bid-dħaħen tas-sigarri u x-xampanja fid-demm. Pront, waslet it-telfa. U b’kampjonat magħluq tara l-plejers u l-kowċ irrabjati għax tilfu, tifhem kemm huwa importanti għalihom li jirbħu. Tifhem li l-partita kontra Milan fil-finali ta’ Coppa Italia ħa jinżlu bil-ġuħ għalihom.

3. L-Intervent ta’ Bonucci

Divin Bonucci. Jaqla’ kritika bil-wisq iżjed minn kemm jistħoqqlu. Kultant jgħaffiġha. Medjan misluf lid-difiża li spiċċa wieħed mill-aqwa difensuri li hawn fiċ-ċirkulazzjoni. Intervent bl-I kbira, meta ressaq il-ballun minn fuq ras Higuain, li kien diġà beda jiċċelebra. Ħassar it-Tweet li diġà kellu ppreparata Reina; “Higuaaaaaaaìììììn!”.

4. Il-gowls ta’ Hernanes u Padoin

Żewg gowls li statistikament ma jfissru xejn, imma moralment u tattikament ifissru ħafna. Juru li anke min hu ‘riserva’, jew forsi mhux daqshekk meqjus, jilgħab għall-flokk. Jilgħab bl-isforz li jrid jagħmel id-differenza. Min hu fuq il-bank jaċċetta s-sitwazzjoni u meta jiġi mgħajjat, jagħti l-110% għall-ġid tat-tim. Huwa sagrifiċċju kbir li toqgħod riserva, imma dejjem kwieti, bla inkwiet.

5. L-operazzjoni ta’ Lichsteiner

Donnu kulħadd nesa li Lichsteiner kellu jkun operat f’qalbu iżjed kmieni dan l-istaġun. B’xorti tajba fieq għalkollox u wara xahar reġa’ daħal iħaffer it-trinek mal-linja. X’hemm iżjed milli tagħti qalbek għat-tim, litteralment? X’hemm isbaħ milli turi determinazzjoni ta’ ljun?

6. Il-ħarsa f’għajnejn Dybala

Kemm hi sabiħa dik il-ħarsa. Il-ħarsa ta’ wieħed li jilgħab għall-gost u l-pjaċir li jagħtih il-futbol. L-għajnejn ileqqu u l-għajta ta’ ferħ wara kull gowl, anke f’partiti mhux importanti bħal kontra Sampdoria, jixhdu dan kollu. Plejer li jilgħab għall-gost huwa plejer li jagħti qalbu. Tfakkarni ħafna f’dik it-tbissima żgħira, kważi ma tidhirx, li jkollu Messi fuq xufftejh wara xi logħba tajba, gowl jew assist. Tfakkarni wkoll fl-entużjażmu ta’ Ronaldinho u kif kien iħossu fil-ġenna b’ballun f’saqajh. Persuni li huma tfal l-ewwel, imbagħad plejers tal-futbol u wara rġiel li qed jagħmlu finalment dak li hu xogħolhom.

Ħafna mhux ħa jaqblu miegħi u jagħzlu oħrajn, fosthom il-kliem iebes t’Evra u Buffon wara t-telfa ma’ Sassuolo, li ta’ min jiftakar fihom. Oħrajn isemmu x-xutt spazjali ta’ Dybala kontra Sassuolo, fejn kien dawwar il-ballun qisu fuq il-Playstation, jew kontra Lazio, meta kkontrollah ħażin, għollieh u ħaraq wieħed minn barra l-kaxxa. Imma ridt nagħżel affarijiet ‘minsijin’.

Forsi oħrajn ma kinux iniżżlu partiti mitlufa fil-ħamsa favoriti tagħhom, imma kultant telfa tiswa iżjed minn rebħa. Telfa kultant tagħtik ix-xokk meħtieġ biex tqum fuq tiegħek u tirrealizza li qed tgħaffeġ.