Kif mistenni llum, Juventus, rappreżentati minn Beppe Marotta u l-assistent tiegħu Fabio Paratici, iltaqgħu ma’ Napoli fejn formalment esprimew l-interess tagħhom fl-akkwist tal-attakkant prolifiku Gonzalo Higuaín.
Fi tmiem il-laqgħa, meta mistoqsi mill-ġurnalisti, Beppe Marotta kellu dikjarazzjoni qasira imma ċara: “De Laurentiis qal li mhux se jbigħ lil Higuaín jekk ma titħallasx il-klawżola reċissorja? Ngħid iva, dik hi s-sitwazzjoni s’issa. Assolutament iva. Is-suġġett hu magħluq. Għalissa. M’hemm l-ebda negozjati ma’ Napoli. Mhux se nżid iżjed. Jekk Higuaín talabx li jinbiegħ? Staqsu lil Napoli.”
Marotta għamel dawn id-dikjarazzjonijiet filwaqt li għal darbtejn semma l-kelma ‘għalissa’. Għal iktar minn darba tbissem, u f’każ minnhom saħansitra daħaq, waqt li kien qed jagħmel id-dikjarazzjonijiet tiegħu. U dik tgħid ħafna!
L-istess De Laurentiis, li mill-ġdid iddikjara li min irid lil Higuaín irid iħallas il-klawżola reċissorja ta’ €94 miljun, li tista’ titħallas fuq sentejn. Imma kellu għażla oħra? Kieku qal mod ieħor tistgħu timmaġinaw ir-reazzjoni tan-Naplitani.
Imma ejja nkunu sinċiera magħna nfusna. Verament xi ħadd stenna li llum Marotta u De Laurentiis joħorġu id f’id, bi tbissima kbira fuq fommhom u wieħed jiftaħar kemm hu kuntent li daħħal somma flus fil-but, u l-ieħor jiftaħar li rnexxielu jsolvi n-nuqqas fl-attakk b’wieħed mill-aqwa attakkanti tal-preżent?
Allura x’ġara waqt il-laqgħa?
Juventus iltaqgħu ma’ Napoli biex jikkonfermaw li verament interessati fil-plejer, u mhix sempliċiment xniegħa tal-ġurnalisti. Id-diriġenti ta’ Juventus għamlu offerta li tinkludi tpartit tal-plejers. Kienu jafu li Napoli se jirrifjutaw u mhux se jpaxxu lil Juventus. Jekk Juventus iridu lil Higuaín, iridu jħallsu somma konsiderevoli.
Iżda lkoll namettu li Marotta u l-kumplament tad-diriġenti ta’ Juventus fl-aħħar snin ħadmu bil-għaqal u r-riżultati, mhux biss fil-grawnd imma wkoll finanzjarji, juru li kellhom raġun.
Marotta, bl-approvazzjoni tas-Soċjetà, żgur li ma ddeċidiex li jaħli ftit ħin minn ħajtu jiltaqa’ ma’ Napoli, meta r-risposta kien jafha minn qabel. Ladarba ltaqa’ ma’ De Laurentiis, xi farka verità fl-interess ta’ Juventus hemm.
Dwar Pjanić hekk kien qal ukoll
Iżda lura għall-kliem ta’ Beppe Marotta.
“Għalissa m’hemmx marġni ta’ trattattiva. M’aħna se nużaw qatt il-klawżola reċissorja.”
Familjari hux? Imma din id-dikjarazzjoni saret fl-aħħar ta’ Mejju li għadda u mhux illum. Dakinhar Marotta ma kienx qed jitkellem dwar Higuaín, imma dwar plejer ieħor mingħand l-avversarji – Miralem Pjanić ta’ Roma. Il-kumplament hi storja u kulħadd jaf x’ġara.
L-istess f’dan il-każ. Marotta din id-darba jitkellem dwar Gonzalo Higuaín u mill-ġdid jonqos milli jeskludi għalkollox li hemm interess fil-plejer, jew li fil-futur qrib se tiftaħ trattattiva. Mill-ġdid juża l-kelma għalissa, u mill-ġdid jitbissem.
Il-klawżola tiskadi?
Punt importanti li ma rridux ninsew hi l-kwistjoni li għaddejja bħalissa, b’argumenti kuntrastanti bejn Napoli, l-aġenti ta’ Higuaín u fuq kollox il-ġurnalisti li qed jiddibattu jekk il-klawżola reċissorja ta’ Higuaín tiskadix jew le.
Napoli jisħqu li l-klawżola reċissorja tiskadi fil-31 ta’ Lulju. L-aġenti tal-plejer ċerti li l-plejer jista’ jħalli lill-klabb għal €94 miljun meta jrid, għax il-klawżola tista’ tibqa’ attiva.
Minn hawn żgur mhux f’pożizzjoni li niddeċiedi min qed jigdeb. Imma ċert li Marotta ra l-kuntratt, hekk kif allegatament diġà ntlaħaq ftehim bejn iż-żewġ partijiet.
Min-naħa l-oħra hu ovvju li d-diriġenti ta’ Napoli qed jippruvaw jikkontrollaw il-korla tal-poplu Naplitan, irrabjat mhux biss li Higuaín se jitlaq, imma fuq kollox li jista’ jingħaqad mar-rivali. Jekk għandi nemmen lil xi ħadd, żgur mhux lil Napoli li għandhom kull intenzjoni li jilagħbu bl-emozzjoni tan-Naplitani u jdawruha kif iridu.
U jekk l-aġenti tal-plejer għandhom raġun, Juventus għandhom arma mill-iktar b’saħħitha f’idejhom. Sa tmiem is-suq tat-trasferimenti, Juventus jistgħu jilagħbu bl-emozzjoni tad-diriġenti ta’ Napoli. Sal-aħħar ġurnata jistgħu jheddu li jużaw il-klawżola minn ħin għall-ieħor. U Napoli x’se jagħmlu b’€94 miljun ftit qabel jiskadi s-suq tat-trasferimenti? U bla attakkant?
Għalhekk, dejjem jekk il-klawżola ma tiskadix u l-ebda klabb ieħor ma joffri għal Higuaín, Juventus jibqgħu jittamaw li jdaħħlu plejers fit-trattattiva. Jekk le joffru l-klawżola fl-aħħar jiem, b’konsegwenzi serji li Napoli ma jistgħux jaffrontaw.
Juventus irnexxielhom jiddestabilizzaw lil Napli
Li hu żgur hu li Juventus irnexxielhom jiddestabilizzaw l-ambjent Naplitan. Jekk Higuaín ma jingħaqadx ma’ Juventus, xi ‘mkien se jkollu jmur żgur. Il-partitarji ta’ Napoli għaddejjin minn trawma – jafu li se jitilfu l-aqwa plejer tagħhom, u qed jirriskjaw li jarawh mal-ikbar għadu. Saħansitra diġà vvintaw kor kontrih.
Nemmen li minbarra Juventus, mhux se jkun hemm ħaddieħor li jħallas il-klawżola reċissorja. Ħaddieħor forsi joffri flus u plejers, u Napoli jaċċettaw għaliex ċerti li l-plejer se jkollu jitlaq, u l-aqwa għalihom li jmur barra l-pajjiż.
Iżda dejjem emmint, u anke f’dan il-każ nemmen l-istess, fil-volontà tal-plejer. Min ma jixtieqx jissieħeb mal-aqwa klabb fl-Italja, imma fuq kollox wieħed mill-aqwa fid-dinja? Min ma jiħux gost ikun fi skwadra li fiha jkun l-iżjed plejer imħallas? U fuq kollox, liema plejer se jagħżel lil Arsenal, tim li mhux rebbieħ, meta għandu ċans jilgħab bħala protagonist ma’ Juventus fiċ-Champions League? Imma dak jarah hu. Hu jrid jiddeċiedi.
Għandna bżonn attakkant akkost ta’ kollox
Ħa nkun ċar. Jekk Higuaín finalment jiġix jew le ma nafx, imma nispera. Jekk ma jiġix hu, Juventus għandhom bżonn ta’ attakkant ieħor tal-istess livell jew aħjar. M’hemmx għażla, u dan ammettieh Marotta stess.
Ninsab ċert li Juventus jafu x’qed jagħmlu. Qabel Higuaín esprimew interess ukoll f’Sánchez u Icardi, it-tnejn attakkanti ta’ livell. Imma jekk l-attakkant ma jasalx, it-tajjeb (ħafna wkoll) li sar s’issa fis-suq tat-trasferimenti ma jkun jiswa għal xejn.
U għalkemm smajna ħafna xnigħat, nibqa’ nemmen u nsostni li Paul Pogba ma jitlaqx. Għalfejn għandhom Juventus isolvu l-kwistjoni tal-attakk, u jagħmlu pass lura billi jbigħu lill-aqwa midfielder fl-iskwadra? U ladarba l-attakk ikun solvut, Juventus x’se jagħmlu b’€120 miljun?
Imma Higuaín gej?
Inkun onest. Espert m’iniex. L-opinjoni tiegħi niffurmaha mill-esperjenza tiegħi ta’ trattattivi fis-suq tal-futbol lokali u mill-qari estensiv dwar il-futbol. Jekk issaqsuni hux ġej Higuaín ngħidilkom li ma nafx, imma nixtieq u nibqa’ ottimist.
Fuq kollox nemmen li Marotta u Paratici jafu sew x’qed jagħmlu. Marotta tgħallem biżżejjed mill-iżbalji passati (tiftakruh lil Draxler?) u fuq kollox tgħallem ukoll ma jparlax żejjed, biex ma jżidx l-aspettattivi. Proprju kif għamel illum.
Nibqa’ nemmen ukoll li kliem Marotta llum ma kien ifisser xejn, imma nsostni wkoll li Marotta mhux giddieb. Min xi darba jew oħra kellu x’jaqsam b’mod dirett jaf li l-futbol mhux biss flus, imma hu wkoll logħba politika, fejn il-kliem u l-logħob bl-emozzjonijiet huma ferm qawwija.






