Juventus tilfu 1-0 ġewwa San Siro kontra Milan. Il-formazzjoni ta’ Montella kienet superjuri għal Juventus fuq tliet aspetti: l-għaqda, l-organizzazzjoni u l-konkretezza. Dawn it-tliet punti ilhom neqsin fil-formazzjoni ta’ Juventus iżda dejjem b’xi mod jew ieħor rebħu ħlief kontra l-Milanesi u Sevilla. Meta rebħu, jekk m’għaddewx mill-bieb, għaddew mit-tieqa b’Dybala jkun dak li jiżgassaha.

Dybala weġġa’ sfortunatament u l-formazzjoni ta’ Montella kienet superjuri bi tliet modi kif semmejt. L-introduzzjoni ta’ Cuadrado ma ħalliet l-ebda frott biex b’hekk ħarġu l-iżbalji tas-suq ta’ Ġunju b’mod ċar; kien hemm bżonn t’attakkant ieħor għax la Pjaca u lanqas Cuadrado mhuma attakkanti u kien hemm bżonn ta’ trekwartista tal-aqwa livell, mhux kellu jieħu paċenzja Dybala. Wara li ħareġ hu Higuain lanqas irċieva ballun wieħed, li jkompli juri kemm il-midfield huwa dgħajjef u bla ideat.

X’nitgħallmu mingħand AC Milan li forsi nsejna?

Għaqda

Ir-Rossoneri kienu magħqudin iżjed minn vażett għasel tal-Granny’s Pride. Iqassmu, jilagħbu flimkien u għal xulxin. Jekk xi ħadd joħroġ minn postu dlonk xi ħadd ieħor joħodlu postu. Ma rajthomx darba jargumentaw ma’ xulxin fil-grawnd. Jikkumplimentaw lil xulxin wara l-azzjonijiet u jagħmlu l-qalb lil xulxin. Sens ta’ sagrifiċċju enormi, grinta u ġiri bla waqfien.

Lagħbu verament uno per tutti e tutti per uno.

Oragnizzazzjoni

Il-formazzjoni ta’ Montella kienet organizzatissima. Rari xi ħadd iħalli postu u jekk xi ħadd iħalli postu, kif diġa’ għidt, xi ħadd ieħor imur jgħattilu. Perfetti fid-difiża. Ħonqu lil Higuain u ma waqgħux fin-nassa t’Allegri ta’ Dybala, imbagħad wara Cuadrado, trekwartista. Id-difiża ddefendiet biż-żona u dejjem żammet postha. Meta niżlu għall-ballun marru fuqhom il-midfielders flok id-difensuri, b’hekk ma nħolqux spazji u Higuain ma kellux fejn jiċċaqlaq.

Għalkemm il-pjan t’attakk ta’ Milan kien pjuttost sempliċi u prevedibbli, ħalla l-frott tiegħu fl-aħħar mill-aħħar. Tqassim qasir, konċiż u preċiż mingħajr riskji żejda jew blalen fil-għoli jew ‘il quddiem bl-addoċċ. Fid-dubju, tajru ‘l fuq bla nkwiet u bla riskji. Juventus kemm –il darba esaġeraw, mhux illum biss, u tilfu l-ballun fin-nofs il-grawnd tagħhom bi żbalji banali.

Konkretezza

Milan kellhom 44% pussess tal-ballun, ixxuttjaw tliet darbiet u darbtejn minnhom fil-lasta. Darba milli kien fil-lasta kienet il-bomba fenomenali ta’ Locatelli, Juventin, li wasslet għar-rebħa tagħhom.

Juventus kellhom 56% pussess, ixxutjaw ħmistax –il darba bi tlieta minnhom biss fil-lasta u bl-ebda gowl.

Il-konkretezza ta’ Milan hija assurda. Skurjaw nofs ix-xuttijiet utli tagħhom. Juventus ma skurjaw xejn bid-dominju assolut tal-ballun. Ħmistax –il xutt barra mhux ċajta. Donnarumma wkoll salva r-riżultat fl-aħħar minuta, imma Juventus kellhom jimpenjaw ferm iżjed.

Dan kollu jwassal għal konklużjoni waħda. Milan kienu provinċjali. Ma fiha xejn ħażin imbilli tkun hekk. Juventus meta ħadu l-ewwel lig, ħames snin ilu, hekk kienu. Issa saru arroganti, bla grinta u bla ġiri. Khedira tqil ċomb. Rajt pasturi jiġru iżjed minn Pjanic.  Saru jserrħu wisq fuq il-maġija individwali. S’issa marru tajjeb, imma l-maġija individwali xi darba jaf tispiċċa. Hemm bżonn li Juventus ikunu iżjed umli, iżjed aggressivi, konkreti u provinċjali.

Statistika minn livescore.com

dical-banner-1200×280