Grupp A : L-ewwel grupp se jkun jikkonsisti miċ-Champions Franċiżi PSG, Arsenal, Basel u Ludogorets. Għalkemm forsi jidher bħala grupp bilanċjat, PSG u Arsenal se jibdew bħala l-favoriti li javvanzaw minn dan il-grupp filwaqt li Basel u Ludogorets se jħabbtuha bejniethom biex jakkwistaw it-tielet post.

Grupp B : Grupp B se jkollu fih lil Benfica, Napoli, Dynamo Kyiv u Besiktas. Grupp bilanċjat ħafna li sa ċertu punt ma tantx tista’ tgħid min huma l-favoriti nett li jikkwalifikaw, iżda xorta waħda Benfica u Napoli għandhom dik ix-xi ħaga iktar li kapaci tgħinhom javvanzaw.

Grupp C : Grupp C se jkun fost l-isbaħ gruppi f’din il-kompetizzjoni għal din is-sena. Grupp li jinsabu fih iċ-Champions Spanjoli Barcelona, Manchester City, Borussia Mönchengladbach u l-Iskoċċiżi Celtic. Kif tara l-ismijiet taħseb li Barcelona u Man City se javvanzaw, però żgur ma tridx tarmi lil Borussia kif ukoll lil Celtic. Borussia Mönchengladbach impressjonaw ħafna fil-playoff u Celtic kif kulħadd jaf fil-ground tagħhom b’atmosfera unika kapaċi jagħtu logħba lil kulhadd u għalhekk qed nistennew grupp sabiħ ħafna.

Grupp D : Grupp interessanti ieħor żgur li se jkun dan il-grupp. Bayern Munich, Athletico Madrid, PSV u n-newcomers Rostov. Bla dubju ta’ xejn Bayern u A. Madrid jibdew bħala l-favoriti netti li jagħmluha mal-aħħar 16 però PSV żgur ma tridx tneħħihom għax huma kapaċi jisirqu l-punti. Nisperaw ukoll li naraw xi sorpriża minn Rostov.

Grupp E : Grupp bilanċjat ieħor li fih it-timijiet ta’ CSKA, Leverkusen, Tottenham u Monaco. L-erba’ timijiet se jkunu biċ-ċans kemm li javvanzaw kif ukoll li jispiċċaw eliminati, għalhekk qiegħed jitqies bħala wieħed mill-gruppi bilanċjati għal din is-sena.

Grupp F : Dan il-grupp jikkonsisti fil-holders preżenti ta’ din il-kompetizzjoni Real Madrid, Borussia Dortmund, Sporting Lisbon u Legia Warsaw. Real Madrid u l-ġganti Ġermaniżi jibdew bħala l-favoriti nett li javvanzaw filwaqt li Sporting Lisbon u Legia Warsaw jippruvaw iwettqu xi sorpriża.

Grupp G : Dan il-grupp għandu fih lit-team li ssorprenda lil kulħadd fl-istagun l-ieħor, Leicester City. Magħhom f’dan il-grupp se jkollhom lil Porto, Club Brugge u lil Copenhagen. Żgur li ħafna qed jgħidu li Leicester kapaċi javvanzaw minn dan il-grupp però bħal xi gruppi oħra dan se jkun grupp bilanċjat ieħor.

Grupp H : L-aħħar grupp f’din il-kompetizzjoni jikkonsisti miċ-Champions Taljani Juventus, ir-rebbieħa tal-Europa League Sevilla, Lyon u Dinamo Zagreb. Juventus u Sevilla jibdew bħala l-favoriti netti li javvanzaw, speċjalment Juventus li għandhom ambizzjonijiet kbar wara l-akkwisti li saru dan is-sajf. Lyon u Dinamo Zagreb żgur li mhux se jċedu l-armi u se jkunu lesti li jqumu għall-okkażjoni biex iwettqu xi sorpriża f’dan il-grupp.

dical-banner-1200×280