Is-suq tat-trasferimenti, bħalma kulħadd jaf, huwa xahrejn ta’ taħwid manju, gideb, qlajjiet, xnigħat u ftit ħafna veritajiet. Għalkemm Pogba qalu li huwa inċedibbli, xorta qed jingħad li prezzu hu dak ta’ €120 miljun u li jekk tiġi din l-offerta l-plejer jitlaq.

U jekk jitlaq Pogba? Inqattgħu xagħarna? Le! Jien inkun diżappuntat bil-kbir għax huwa plejer deċisiv, tekniku, intelliġenti tattikament u mexxej fil-grawnd. Jien ma naqbilx li għandu jinbiegħ għax wera li huwa pedina importanti ħafna fit-tim. Is-sena l-oħra kien il-plejer li ta l-iżjed assists fis-Serie A. Però ma ninsewx li Paul Labile Pogba mhux Juventus Football Club.

Il-plejer qatt mhu ikbar mill-klabb. Telqu Baggio, Zidane u Del Piero, nibqgħu ħajjin jekk jitlaq Pogba.

Imma jekk jitlaq, speċjalment jekk is-somma titħallas minnufih, tiftaħ it-triq għal attakkant ta’ piż internazzjonali u li għandu ċertu karatura teknika. Kif jgħidu t-Taljani, mhux kull ħażin jiġi biex jagħmel il-ħsara. U kif jgħidu sħabna li joqogħdu fuq gżira fl-Atlantiku, hemm ċans tkun barka moħbija.

Aħjar €120 miljun milli plejer fuq qalbu, li ma jagħtix il-150% kif jitolbu Juventus u jispiċċa jitlaq bis-sale is-sajf li ġej. Jekk il-volontà tiegħu hi li jitlaq, aħjar jitlaq milli jibqa’. Però nsibha bi tqila biex naċċetta t-trasferiment jekk ikun sar b’imbuttaturi mill-quċċata ta’ Juventus.

Onestament nemmen li Juventus għandhom jissieltu biex iżommuh magħhom għas-sena d-dieħla biex jagħtu s-salt għat-tazza pprojbita, li tant ilha nieqsa li Antonio Conte tawwal xagħru, waqagħlu u reġa’ kabbru. Paul Pogba għandu jiżżewweġ lil Juventus u l-ħolm tagħha jagħmlu l-ħolm tiegħu u jwettqu. Iwettqu jekk jista’ jkun iżjed minn darba.

Paul Pogba għandu jibqa’. Paul Pogba għandu jkun Jon Snow kontra Ramsay Bolton.

dical-banner-1200×280